Il-Qorti Kostituzzjonali reġgħet tat sinjal qawwi dwar il-limiti tal-politika tal-kera protetta u l-obbligi tal-Istat meta dawn il-miżuri jwasslu għal ksur tad-drittijiet fundamentali tas-sidien tal-proprjetà. Fil-kawża mressqa minn sid ta’ propjetà kontra l-Istat u Mary Concetta Moon, il-Qorti ddeċidiet li, filwaqt li tilqa’ l-eċċezzjoni preliminari tal-inkwilina u għaldaqstant tillibera lilha u lil ħutha mill-osservanza ta’ din is-sentenza, l-Istat jibqa’ responsabbli għall-konsegwenzi legali tal-qafas leġiżlattiv li żamm lill-proprjetarju fi stat ta’ deprivazzjoni mhux ġustifikata tal-proprjetà tiegħu.
Għaldaqstant, il-Qorti mhux biss rrikonoxxiet il-vjolazzjoni, iżda ordnat kumpens sostanzjali. Id-danni pekunjarji ġew stabbiliti fis-somma ta’ €34,235.83, filwaqt li d-danni mhux pekunjarji – rifless ta’ tbatija, frustrazzjoni u sens ta’ inġustizzja li ma jistgħux jitkejlu biss b’ċifri – ġew fissati f’€5,000. B’kollox, l-Istat ġie kkundannat iħallas lir-rikorrent €39,235.83, flimkien mal-ispejjeż kollha tal-kawża.
Il-Qorti ċaħdet il-maġġoranza tal-eċċezzjonijiet imressqa mill-Avukat tal-Istat, ħlief għal parti minn waħda minnhom safejn kienet kompatibbli mas-sejbiet tagħha. Aktar importanti minn hekk, iddikjarat b’mod espliċitu li r-rikorrent kien vittma ta’ ksur tad-dritt fundamentali tiegħu għall-proprjetà, kif protett mill-Ewwel Artikolu tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Dan il-ksur kien riżultat dirett tat-tħaddim tad-dispożizzjonijiet ordinarji tal-liġi li għal snin sħaħ illimitawlu b’mod sproporzjonat il-mod kif seta’ juża u jgawdi l-proprjetà tiegħu. Din id-deċiżjoni tkompli tikkonferma x-xejra ġudizzjarja li qed tara lill-qrati Maltin jimxu f’linja mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fejn ġie rikonoxxut.
Minkejja, li l-Istat għandu jitħalla jadotta miżuri soċjali biex jipproteġi lill-inkwilini vulnerabbli, dawn qatt ma għandhom jitfgħu piż sproporzjonat fuq sid wieħed billi jirriduċulu d-dritt fundamentali fuq proprjetà tiegħu għal sempliċi formalità.
Għal darb’oħra, sentenza bħal din tqajjem mistoqsija wiesgħa – kemm jista’ jibqa’ sostenibbli sistema tal-kera li tħalli lill-propjetarji jġorru, għal snin twal, il-konsegwenzi ta’ politika soċjali li forsi llum m’għadhiex tirrifletti r-realtà economika u soċjali kontemporanja? Il-Qorti tat risposta ċara: fejn tinkiser il-proporzjonalità u jintilef il-bilanċ ġust, għandu jingħata rimedju.
Għaldaqstant il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, ddeċidiet ikawża kostituzzjonali li tmiss wieħed mill-aktar suġġetti jaħarqu f’pajjiżna: il-kontroll tal-kera u l-bilanċ bejn id-dritt tas-sid u l-protezzjoni tal-inkwilin.
Anthony Abela, sid ta’ propjetà fi Triq it-Torri, Bormla, sostna li ilu snin twal jitħalla mingħajr ġustizzja minħabba li l-liġijiet tal-kera, u b’mod partikolari l-Kap 69 flimkien mal-Att X tal-2009, ġiegħluh jitilfu il-ġid fundamentali tiegħu.
Il-proprjetà, li oriġinarjament kienet mikrija lir-raġel tal-inkwilina Mary Concetta Moon sa mis-snin sittin, baqgħet taħt skema ta’ protezzjoni li imponiet kera miżera: Lm5 kull tliet xhur oriġinarjament, illum tradotti għal €217 fis-sena.
Ir-rikorrent insista li din mhijiex biss kwistjoni ta’ flus, iżda ta’ prinċipju fundamentali: id-dritt li wieħed juża, igawdi u jiddeċiedi dwar proprjetà tiegħu stess. Quddiem il-Qorti ġie sostnut li, minħabba dawn id-dispożizzjonijiet ta’ liġi, ġie mkisser “il-fair balance” li għandu jeżisti bejn l-interess pubbliku u d-dritt tas-sidien.
Aktar minn hekk, intqal li l-inkwilina lanqas għadha tuża l-post bħala residenza tagħha, u li saħansitra għandha akkomodazzjoni alternattiva – fatt li jagħmel l-inġustizzja doppja: sid li jirċievi kera simbolika u fond li lanqas qed jintuża għall-iskop soċjali li bih ġiet ġġustifikata l-protezzjoni taħt il-liġi.
Il-każ ta’ Abela mhux wieħed iżolat. Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet diġà kkundannat lil Malta f’diversi każi simili, fosthom Amato Gauci, Ghigo, Cassar u oħrajn, fejn instab li s-sidien Maltin sofrew għal snin twal interferenza sproporzjonata fid-dritt tagħhom għall-propjetà.
F’dawn id-deċiżjonijiet, kien intqal b’mod ċar li l-Istat għandu d-dmir jipproteġi lill-vulnerabbli, iżda qatt b’mod li jiġbor piż eċċessiv fuq sid wieħed li jispiċċa jġorr b’idejh il-piż ta’ politika soċjali. L-Avukat tal-Istat, min-naħa tiegħu, wieġeb li l-kontroll tal-kera kien sempliċiment regolament tal-użu tal-proprjetà fi ħdan il-limiti permessi mill-Konvenzjoni, u sostna wkoll li s-sid kellu rimedji oħra disponibbli, bħall-applikazzjoni quddiem il-Bord tal-Kera biex jitlob l-iżgumbrament, speċjalment jekk l-inkwilina ma baqgħetx tgħix fil-post.
//= $special ?>

