Lokali Qorti

“Mqajma f’kull ħin, obbligati jservu u taħt kontroll sħiħ” – xhieda xokkanti dwar kundizzjonijiet f’burdell ġewwa San Ġiljan

Nisa li kienu jaħdmu fil-prostituzzjoni bħala sex workers f’burdell f’San Ġiljan kienu mġiegħla jkunu “disponibbli 24 siegħa kuljum”, riedu li bilfors jaqdu lill-klijenti fi kwalunkwe ħin, kienu jitkeċċew mill-kamra tagħhom jekk lil xi ħabiba jew ħabib tagħhom u saħansitra anke kienu obbligati jipparteċipaw f’“parade” kull meta klijent jitlob, biex jagħżel ma minn jixtieq jingħata s-servizz – anke jekk kienu rieqda.

Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif kompliet tinstema’ l-kawża kriminali kontra tliet nisa akkużati b’traffikar ta’ nisa oħra, fuq tħaddim ta’ burdell u ħasil tal-flus. L-imputati Janice Jasbeth Ramirez Cummings ta’ 31 sena mill-Panama, Karen Dayanna Pineda Caicedo ta’ 28 sena u l-allegata supervisor tas-sit, Silvia Juliana Jinete Vega ta’ 31 sena, it-tnejn mill-Kolombja. Huma qed jiċħdu l-akkużi miġjubin kontrihom.

L-Ispettur Marshal Mallia rrakkonta kif f’rejd tal-Pulizija ġew misjuba 10 nisa mill-Amerika t’Isfel u tliet klijenti. Xi wħud mill-allegati vittmi nstabuhom f’nofs att sesswali fil-kmamar, filwaqt li oħrajn kienu miġbura fil-kċina taħt l-għajnejn ta’ tnejn mill-imputati.

Skont ix-xhieda, in-nisa kienu taħt skeda stretta u regoli rigidi. Setgħu joħorġu biss sa tliet sigħat kuljum – inkella kienu jiġu mmultati €200 – u f’ċerti każijiet lanqas ma kienu jitħallew joħorġu biex jinżamm numru ta’ nisa “disponibbli”. Kondoms f’varjetà ta’ daqsijiet, kwantità konsiderevoli ta’ lubrikant u anke drogi fosthom “tusi” (pink cocaine) instabu fuq il-post.

Il-“mummies” – kif kienu msejħa l-imputati – mhux biss kienu jimmaniġġjaw il-flus u jirregolaw il-bookings, iżda kienu jimponu r-regoli. Id-dħul tan-nisa kien jinġabar f’envelopes u jingħata lilhom. Intant il-Pulizija qalet li f’dar ta’ waħda mill-imputati nstabu aktar minn €11,000 fi flus kontanti u dokumentazzjoni dwar il-kontabilità tal-post.

Għalkemm id-difiża sostniet li n-nisa kellhom il-mobiles, il-passaporti u saħansitra setgħu joħorġu għal ftit ħin kuljum, l-Ispettur insista li ħafna minnhom kienu taħt pressjoni sistematika, b’ħafna minnhom iħossuhom li ma setgħux jirrifjutaw klijenti minħabba r-regoli infurzati fuqhom.

Matul il-kawża tqajmu wkoll mistoqsijiet dwar jekk dawn il-kundizzjonijiet jistgħux jitqiesu bħala sfruttament u kontroll, aktar milli sempliċement “xogħol f’qagħda ta’ prostituzzjoni aċċettata”. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qed tippresiedi l-każ li għadu għaddej.