Opinjoni

Opinjoni: F’Lejlet il-Milied

Ktibt dwar il-Kurċifiss lejlet il-Milied għax fit-tarbija ġol-maxtura jien ma narax tarbija li kulħadd jiggustaha u jagħtiha r-rigali. Minflok nara r-raġel li ta lilu nnifsu għall-bnedmin, imsallab fuq il-Golgota. Bħalma fit-tarbija f’ġuf ommha ma narax fetu qed jiżviluppa imma nara l-bniedem immaturat

Mark A. Sammut Sassi

Nistqarr id-dritt, il-Milied mhux il-festa favorita tiegħi. Għax fil-Milied infakkru t-twelid ta’ Ġesù – ferħ u briju u Ġwanni u Martin – imma l-ferħ tagħna ġa mrażżan: nafu diġà li tliet xhur u xi ħaġa oħra wara se nfakkru l-mewt tar-raġel li se joħroġ minn dik it-tarbija, mewt kiefra u ta’ tbatija.
Forsi lanqas għandi għalfejn inħabbel rasi, wara kollox, għax il-Milied sar aktar il-Festa ta’ Santa Klaus u r-rigali. Minn festa reliġjuża, jew tal-anqas ta’ (awto)riflessjoni, saret festa ta’ konsumiżmu. Tgħin lill-ekonomija, mhux lir-ruħ. Materjaliżmu flok spiritwalità. Xalar flok introspezzjoni.

Kliem waħda Lhudijama temminx
Dir-riflessjoni fakkritni f’artiklu li sirt naf bih dal-aħħar miktub kważi 40 sena ilu minn Natalia Ginzburg, awtriċi Taljana, li mietet fl-1991 ta’ 75 sena. Għamlet żmien qasir kienet membru tal-Parlament Taljan. Lhudija atea, Ginzburg kitbet dal-artiklu għall-gazzetta tal-Partit Komunista Taljan, L’Unità, fit-22 ta’ Marzu 1988. Kien jismu “Il-Kurċifiss Sieket”. Se naqilbu għall-Malti, u nagħtihulkom. Naħseb li ssibuh interessanti.
“Il-kurċifiss ma jqanqal l-ebda diskriminazzjoni. Hu sieket. Hu x-xbieha tar-rivoluzzjoni Kristjana, li xerrdet madwar id-dinja l-idea ta’ ugwaljanza bejn il-bnedmin – idea li sa qabel Kristu ma kinitx teżisti. Ir-rivoluzzjoni Kristjana bidlitha lid-dinja. Irridu forsi niċħdu li bidlet lid-dinja? Ilna tista’ tgħid elfejn sena ngħidu ‘qabel Kristu’ u ‘wara Kristu’. Jaqaw hawn min irid li ma nibqgħux ngħidu hekk?
“Il-kurċifiss hu simbolu tal-uġigħ tal-bniedem. Il-kuruna tax-xewk u l-imisemer jevokaw is-sofferenzi tiegħu. Is-salib fil-quċċata tal-għolja, jixhed is-solitudni fil-mewt. Ma naf b’xejn aktar li jwassal b’tant forza s-sens tad-destin tagħna bħala bnedmin.
“Il-kurċifiss jagħmel parti mill-istorja tad-dinja. Għall-Kattoliċi, Ġesù Kristu hu Bin Alla. Għal dawk li mhumiex Kattoliċi, jista’ jkun ix-xbieha ta’ wieħed li bigħuh, ittradewh, sawtuh u qatluh fuq salib għall-imħabba li kellu lejn Alla u lejn il-proxxmu. Min hu ateu jħassar l-idea ta’ Alla, imma jżomm l-idea tal-proxxmu. Jista’ jingħad li kienu bosta dawk li sfgħu mibjugħin, traduti, u msawtin għall-fidi tagħhom, għall-proxxmu, għall-ġenerazzjonijiet futuri, u li tagħhom ma hemm l-ebda xbieha mal-ħitan tal-iskejjel. Dan hu minnu. Iżda l-kurċifiss jirrappreżentahom ilkoll. Kif inhu li jirrappreżentahom ilkoll?
Għax qabel Kristu ħadd qatt ma kien qal li l-bnedmin huma kollha ndaqs – għonja u fqar, jemmnu u ma jemmnux, Lhud u mhux Lhud, suwed u bojod – qablu ħadd ma kien qal li fiċ-ċentru tal-eżistenza tagħna rridu nqiegħdu s-solidarjetà bejn il-bnedmin. U kulħadd jista’ jisfa’ mibjugħ, tradut u msawwat u maqtul għall-fidi tiegħu. Jien naħseb li hu tajjeb li t-tfal ikunu konxji minn dan ġa mill-bankijiet tal-iskola.
“Ġesù Kristu ġarr is-salib. Lil kull wieħed u waħda minna jiġrilna li fuq spallejna nġorru t-toqol ta’ żvintura kbira. Lil dil-iżvintura nagħtuha l-isem ta’ ‘salib’, ukoll jekk m’aħniex Kattoliċi, għax wisq hi f’saħħitha u wisq sekli ilha l-idea tas-salib magħġuna fil-ħsieb tagħna. Ilkoll, Kattoliċi u lajċi, inġorru llum jew għada t-toqol ta’ żvintura, u nxerrdu d-demm u d-dmugħ u nippruvaw ma nogħtrux. Dan hu dak li jgħid il-kurċifiss. Jgħidu lil kulħadd, mhux biss lill-Kattoliċi. Xi kliem ta’ Kristu naħsbuh dejjem, u nistgħu nkunu lajċi, atej jew x’inkunu, imma dak il-kliem dejjem jgħum fil-wiċċ tal-ħsieb tagħna. Qal, ‘Ħobbu lil għajrkom bħalkom infuskom.’ Kien kliem ġa miktub fl-Antik Testment, imma sar is-sisien tar-rivoluzzjoni Kristjana. Huwa l-muftieħ ta’ kollox. Il-kurċifiss jagħmel parti mill-istorja tad-dinja. Huwa l-kuntrarju tal-gwerer kollha. Huwa l-kuntrarju tal-ajruplani li jixħtu l-bombi fuq in-nies indifiża. Il-kuntrarju tal-istupri u tal-indifferenza li ta’ spiss tkeffen l-uġigħ tan-nisa li jsofru l-vjolenza.”
Dal-kliem kitbitu Taljana Lhudija atea. Li, iżda, skopriet, u ammettiet magħha nnifisha u mad-dinja, li antropoloġikament hi Kattolika.
Natalia Ginzburg kienet irreċtat il-parti ta’ Marija ta’ Betanja fil-kapolavur ta’ Paolo Pasolini, Il-Vanġelu skont Mattew.

Il-Milied u l-Kurċifiss?
Ktibt dwar il-Kurċifiss lejlet il-Milied għax fit-tarbija ġol-maxtura jien ma narax tarbija li kulħadd jiggustaha u jagħtiha r-rigali. Minflok nara r-raġel li ta lilu nnifsu għall-bnedmin, imsallab fuq il-Golgota. Bħalma fit-tarbija f’ġuf ommha ma narax fetu qed jiżviluppa imma nara l-bniedem immaturat.
U dan aktar u aktar f’dal-jiem, meta fil-Parlament Ewropew ivvutaw favur il-jedd tal-abort fl-Ewropa kollha. Għajb għal dawk il-membri (li mhemm ħadd Malti fosthom) tal-Partit Popolari Ewropew li vvutaw favur l-abort. X’ipokrisija, imbagħad, li vvutaw favur l-abort proprju f’dal-jiem tal-Milied!
Anki għal dawn, dik it-tarbija li tagħha qed niċċelebraw it-twelid, meta kibret, mietet fuq is-salib. Għax dawn ukoll ma jafux x’inhuma jagħmlu.
Il-Milied Hieni lill-qarrejja kollha ta’ din il-gazzetta,

Dan l-artiklu deher f’In-Nazjon tal-Erbgħa 24 ta’  Diċembru, 2025.