Opinjoni

Opinjoni: Wieħed mill-aqwa għorrief Maltin

Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument

Fil-Quddiesa tal-funeral tal-Kardinal Prospero Grech f’Jannar 2020, l-Arċisqof Charles Scicluna – li kien jafu mill-qrib billi t-tnejn għexu snin fil-Vatikan – iddeskrivieh bħala “raġel ta’ għerf kbir” u figura reliġjuża ta’ duttrina u spiritwalità profonda”.
Kważi kull min kien jafu kien jirreferi għalih bħala wieħed mill-aktar Maltin għorrief u dan ma ngħadx biss f’Malta mill-Maltin, iżda saħansitra gazzetti barranin fosthom il-Catholic Herald li dwaru qalet hekk: possibly the most intelligent men alive.
Fl-istess ħin, iżda, hu kien magħruf ukoll bħala persuna “umli u bla pretensjonijiet.” Hu, għaldaqstant, xieraq li llum, il-100 sena mit-twelid tiegħu, infakkru u niċċelebraw ftit minn dak li wettaq tul ħajtu.

Għerf u umoriżmu san ikkaratterizzaw ħajtu

Il-Kardinal Prospero Grech twieled il-Birgu, lejlet il-Milied tal-1925 u ngħata l-isem ta’ Stanley.
Hu studja l-Liċeo iżda bħala żagħżugħ kellu jagħmel servizz militari fi żmien ta’ gwerra. Hu kien gunner fir-Royal Malta Artillery.
Daħal fl-Ordni Agostinjan ta’ 29 sena u hemm ħa l-isem ta’ Prospero. Kien ordnat saċerdot fil-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran f’Ruma.
Fl-1953 kiseb id-dottorat fl-Iskrittura Mqaddsa mill-Università Pontifiċja Gregorjana u kompla bl-istudji fl-Istitut Pontifiċju Bibliku.
Wara li kompla bl-istudji tiegħu f’Oxford u Cambridge, Prospero irritorna Ruma fejn serva bħala espert fil-Kongregazzjoni tad-Dutturina tal-Fidi u għal snin għallem f’diversi universitajiet b’konnessjonijiet mas-Santa Sede.
Ta’ min isemmi li fis-snin tal-Konċilju Vatikan II (1962-1965), Prospero Grech kien jagħmel xandira kuljum, bil-Malti, fuq ir-Radju Vatikan dwar dak li kien qed ikun diskuss.
Bniedem ċajtier u spirtu pront, f’intervista kien qal li fil-Vatikan kellu esperjenzi sbieħ ħafna fosthom li jlibbes diversi Papiet għall-funzjonijiet liturġiċi iżda, qal, kien pjuttost iħossu qiegħed “f’gaġġa tad-deheb” fil-qalba tal-Vatikan.
Wara dan il-perjodu hu rritorna fil-casa madre tal-Agostinjani f’Ruma fejn, fost l-oħrajn, intgħażel biex jistabbilixxi Istitut Patristiku.
Prospero Grech inħatar Kardinal mill-Papa Benedittu XVI fit-28 ta’ Frar 2012 u, b’hekk, sar it-tieni Kardinal Malti wara 168 sena. Kien ukoll l-ewwel Kardinal Agostinjan wara 111-il sena. Bis-solitu diskors ċajtier tiegħu, meta xi ħbieb ferħulu għal dik il-ħatra, hu qalilhom li, madankollu, kien jiddispjaċih li issa ma kienx aktar possibbli jibqa’ jsuq il-mutur aħmar tiegħu li tant kien servih tajjeb matul is-snin.
Il-Kardinal Prospero Grech miet fl-Isptar Santu Spirtu ta’ Ruma fit-30 ta’ Diċembru 20

Prospero Grech imut ta’ 94 sena

Il-Kardinal Prospero Grech, teologu ta’ fama internazzjonali, miet fit-30 ta’ Diċembru 2019 fl-età ta’ 94 sena wara karriera twila f’diversi karigi fil-Vatikan għal madwar 60 sena.
Mal-aħbar tal-mewt tiegħu, il-Papa Franġisku bagħat telegramma ta’ kondoljanzi lil Patri Alejandro Moral Anton, il-Pirjol Ġenerali ta’ Ordni Agostinjan.
F’din it-telegramma, il-Papa esprima s-sentimenti tiegħu lill-Ordni Agostinjan kollu u lill-qraba tal-Kardinal Grech, filwaqt li qal li hu dejjem kellu stima għolja tiegħu. Fakkar fil-ħajja nisranija u konsagrata tiegħu u għax-xogħol li wettaq f’universitajiet Rumani u anki mas-Santa Sede.
Il-funeral ewlieni sar fit-2 ta’ Jannar 2020 b’Quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru, ċelebrata mill-Kardinal Giovanni Battista Re, Deputat Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, u fil-preżenza, fost l-oħrajn, ta’ George Vella, il-President ta’ Malta.
Fost iċ-ċelebranti kien hemm l-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, P. Alejandro Moral Anton, il-Pirjol Ġenerali Agostinjan u Patri Leslie Gatt, il-Provinċjal Agostinjan ta’ Malta.
Fl-omelija tiegħu, il-Kardinal Re qal li għal Prospero Grech, Alla dejjem kien prijorità. Qal li kien bniedem ta’ spiritwalità qawwija, li jħobb lill-Knisja u l-ħajja reliġjuża.
Il-Kardinal Re qal li proprju fil-jum li miet hu kien qed jiekol mal-komunità Agostinjana f’Ruma jirrakkonta ġrajjiet minn ħajtu bl-istil umoristiku tiegħu. Proprju ftit sigħat wara mar jiltaqa’ mal-Mulej, laqgħa li kien ilu ħafna jħejji għaliha.
Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, il-Papa Franġisku bierek it-tebut u ta l-benedizzjoni.
Minn Ruma, it-tebut tal-Kardinal Prospero Grech inġieb Malta u fid-9 ta’ Jannar 2020 saret Quddiesa funebri fil-Katidral tal-Imdina mmexxija mill-Arċisqof Scicluna li fl-omelija tiegħu fakkar u faħħar il-kwalitajiet sbieħ li kellu.
Fil-jum ta’ qabel, mal-wasla minn Ruma t-tebut ittieħed fil-Kolleġġjata tal-Birgu fejn sar mument ta’ talb fil-knisja fejn kien tgħammed. Mill-Birgu ttieħed fil-kunvent tal-Agostinjani ta’ San Mark fir-Rabat fejn l-għada tqiegħed fil-kappella tal-kunvent għall-qima tal-pubbliku.
Il-Kardinal Prospero Grech indifen f’ċerimonja privata fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata f’Raħal Ġdid.

Kien medjatur għal Mintoff

Il-Kardinal Prospero Grech, li qabel daħal Patri kien jismu Stanley, twieled il-Birgu iżda tista’ tgħid li qatta’ l-biċċa l-kbira tas-70 sena tiegħu bħala saċerdot u t-tmien snin bħala Isqof u Kardinal, jgħix f’Ruma qrib ħafna tal-Vatikan.
Għalkemm ma kienx għamel ħafna snin jgħix f’Malta, il-fama tiegħu ta’ teologu ewlieni fil-Knisja Kattolika, kienet magħrufa sew fost ċirku ta’ nies influwenti f’Malta, b’mod speċjali fost dawk involuti sew fl-amministrazzjoni tal-Knisja Maltija.
Naturalment, fost dawk li kienu jafu sew kemm P. Prospero Grech kien qed ikabbar il-fama tiegħu f’Ruma kien hemm l-Arċisqof Mikiel Gonzi li għal numru sostanzjali ta’ snin kien fil-mira ta’ elementi fil-Partit Laburista u b’mod speċjali tal-mexxej innifsu, Dom Mintoff.
Dwar is-sehem ta’ Patri Prospero biex tissolva l-kwistjoni politiko-reliġjuża tas-snin sittin bejn il-Malta Labour Party u l-Knisja Kattolika f’Malta, tkellem u kiteb ħafna l-Professur Godfrey Pirotta.
Fost l-oħrajn il-Prof. Pirotta kien tkellem dwar din il-ġrajja mill-istorja ta’ Malta fi programm fuq l-istazzjon tar-radju RTK.
Il-Prof. Pirotta kien qal li minkejja li bejn iż-żewġ naħat kienet għaddejja battalja pjuttost qalila, kien hemm elementi fuq iż-żewġ naħat li wrew xewqa ġenwina li ż-żewġ naħat, wara ħafna snin, jirrikonċiljaw.
Jirriżulta li l-ewwel passi f’din id-direzzjoni kienu ttieħdu fl-1963 meta d-Dumnikan Patri Gonsalvo Grech kien tkellem ma’ Mintoff u ssuġġerixxa medjazzjoni iżda l-affarijiet ma mxewx sew billi ż-żewġ naħat baqgħu jżommu l-pożizzjonijiet tagħhom.
Kien f’dan il-punt li Mintoff iltaqa’ f’Ruma ma’ Patri Prospero Grech li aċċetta li jressaq quddiem is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-punti ewlenin tal-Perit Mintoff, fosthom li f’Malta jidħol iż-żwieġ ċivili għal dawk mhux kattoliċi.
Milli jidher lanqas wara l-intervent ta’ Prospero Grech ma sar tant progress u ż-żewġ naħat baqgħu mbegħdin. Skont rapporti li ħarġu wara, l-involviment ta’ Patri Prospero ma kienx wisq apprezzat tant li storiku ieħor, Laurence Mizzi, fit-Times tad-29 ta’ Jannar 2012, jgħid li “both the Archbishop and Mr Mintoff were less than grateful to Fr Grech.”
Irid jingħad li, finalment, dak l-ewwel pass kien wassal biex iż-żewġ naħat b’xi mod jiftiehmu u b’hekk seħħet ‘il-paċi’ bejn il-Partit Laburista u l-Knisja f’Malta.
Meta fis-snin ta’ wara, il-Kardinal Grech kien jintalab biex jitkellem dwar is-sehem tiegħu f’dik il-ġrajja, hu kien jirrifjuta. Meta, pereżempju kien intalab il-kummenti minn Claire Xuereb Grech, l-awtriċi tal-ktieb l-Elf Lewn ta’ Mintoff (Pubblikazzjoni SKS) hu qalilha li “ma kellux xi jżid ma’ dak li diġà kien sar magħruf.

Diskors qawwi u bla kantunieri

Minkejja li diġà kellu ’l fuq minn 80 sena, u allura ma kienx eliġibbli li jieħu sehem dirett u jivvota fil-Konklavi ta’ Marzu 2013, wara r-riżenja tal-Papa Benedittu XVI, il-kardinali għażlu lil Prospero Grech biex jagħmlilhom l-ewwel meditazzjoni fil-Kappella Sistina fejn iltaqgħu biex jibdew jivvutaw għal Papa ġdid.
F’dan id-diskors famuż, il-Kardinal Grech qal li l-Knisja għandha s-sejħa li tipproklama r-renju ta’ Alla u t-tħabbir tal-Aħbar it-Tajba tas-salvazzjoni permezz ta’ Kristu.
“Il-Knisja tagħmel dan,” żied Prospero Grech, “billi tippreżenta l-Vanġelu mingħajr tidwir mal-lewża, mingħajr ma tipprova ttaffi l-kelma.”
Meta semma numru ta’ theddidiet għall-Knisja Kattolika hu rrefera għan-nuqqas ġenerali ta’ konoxxenza tat-tagħlim tal-Knisja iżda, b’mod partikulari, enfasizza l-‘maltemp’ li qal li kien qed jara. “Bejn l-estremisti ultra-tradizzjonali u l-estremisti ultra progressivi, dejjem se jkun hemm ir-riskju ta’ xiżmi żgħar li mhux biss iweġġgħu lill-Knisja iżda jmorru direttament kontra r-rieda t’Alla”.
Il-missjoni tal-Knisja hi mhedda wkoll minn ċerta mġiba ħażina u kriminali ta’ xi wħud mill-membri tagħha, partikolarment saċerdoti: Il-Kardinal Grech qal li, iffaċċjata mill-kriżi ta’ abbużi sesswali minn saċerdoti, il-Knisja jeħtiġilha tumilja ruħha quddiem Alla u quddiem il-bniedem waqt li tipprova b’kull mod u mezz teqred dan il-ħażen.
“Illum ħafna nies mhumiex lesti jemmnu fi Kristu għaliex wiċċu kien oskurat u mgħotti minn istituzzjoni nieqsa mit-trasparenza,” temm il-meditazzjoni b’mod tassew qawwi.

Qarar lill-futur Papa Pawlu VI

Fl-1961, Prospero Grech inħatar bħala Segretarju tal-Isqof Pietro Canisio Van Lierde, ‘Sagristan’ tal-Palazz Appostoliku u Vigarju Ġenerali tal-Belt tal-Vatikan.
F’din il-kariga Prospero Grech, qassis segretarju, kien spiss ikun fil-qalba ta’ dak li jkun qed iseħħ fiċ-ċentru tal-Vatikan.Tant hu hekk li meta kien wasal biex jibda l-konklavi ta’ Ġunju 1963 – li minnu kien elett il-Papa San Pawlu VI – is-saċerdot Malti ltaqa’ mal-Kardinal Giovanni Battista Montini fil-Palazz Appostoliku. Montini staqsieh jekk kienx il-konfessur tal-Konklavi u Pros-pero wieġbu li ma kienx. Monti-ni, iżda, xorta staqsieh jekk kienx lest jisma’ l-qrara tiegħu.
Ftit wara din il-ġrajja, Montini daħal mal-kumplament tal-Kardinali għall-konklavi li minnu ħareġ bħala l-Papa Pawlu VI.
F’intervista, Prospero Grech, magħruf bħala persuna ċajtiera, qal li jittama li dakinhar ma kienx ta penitenza iebsa żżejjed lill-futur Papa!

It-tliet Kardinali Maltin

■ Fl-istorja kollha tal-knisja Kattolika, Malta kellha tistenna sal-1818 biex ikollha l-ewwel Kardinal fil-persuna ta’ Fabrizio Sceberras Testaferrata. Imbagħad kellhom jgħaddu ftit anqas minn 100 sena biex jinħatar it-tieni Kardinal Malti, Patri Prospero Grech. Finalment kien fl-2020 li l-Isqof Mario Grech inħatar it-tielet Kardinal Malti.

Fabrizio Sciberras Testaferata
■ Fabrizio Sciberras Testaferata twieled f’familja nobbli fil-Belt Valletta fl-1 ta’ April 1757.
Hu kien ordnat saċerdot f’Ruma u għalkemm kien nominat Kanonku tal-Katidral tal-Imdina, qatta’ ħafna żmien bħala Isqof barra l-pajjiż. Inħatar Kardinal fis-6 ta’ April, 1818 u ħa sehem fi tliet konklavi: fl-1823, fl-1829, u fl-1831.
Miet fit-3 ta’ Awwissu 1843 fl-età ta’ 86 sena u jinsab midfun fil-Katidral ta’ Senigallia

It-Teologu Prospero Grech
■ Prospero Grech twieled il-Birgu fl-24 ta’ Diċembru 1925 u ngħata l-isem ta’ Stanley. Kien ordnat saċerdot fil-Bazilika tal-Lateran f’Ruma fl-1950 u minn hemm ’il quddiem kompla bl-istudji akkademiċi tiegħu f’diversi universitajiet madwar l-Ewropa. Kien figura importanti fl-Ordni Agostinjan.
Il-Papa Benedittu XVI ħatru Kardinal fi Frar 2012 u miet f’Ruma fit-30 ta’ Diċembru 2019 fl-età ta’ 94 sena.

L-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech
■ L-Isqof Mario Grech, li serva f’Għawdex bejn l-2005 u l-2009, twieled fil-Qala fl-20 ta’ Frar 1957.
Il-Papa Franġisku ħatar lill-Isqof Grech bħala Segretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet.
F Novembru 2020, l-istess Papa Franġisku ħatru kardinal u din is-sena, f’Mejju li għadda, hu ħa sehem fil-Konklavi li ħatar il-Papa Leone XIV.
Din is-sena, il-Kardinal Grech inħatar ukoll membru tad-Dekasteru tal-Kleru.

Kien qrib ħafna Robert Francis Prevost, il-Pirjol Ġenerali
tal-Agostinjani

■ F’dawn iż-żewġ ritratti, il-Kardinal Prospero Grech jidher flimkien ma’ Monsinjur Robert Francis Prevost – illum il-Papa Leone XIV – meta dan kien il-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan. (Fuq): Prospero Grech jidher mal-futur Papa u l-Kardinal E. Karlic (Arġentin) illum mejjet, f’laqgħa f’Ruma u (isfel): il-Kardinal Prospero Grech u l-Pirjol Ġenerali R.F. Prevost, fuq kull naħa tal-Papa Franġisku waqt udjenza fil-Vatikan ma’ membri tal-Ordni Agostinjan.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazjon tal-Erbgħa 24 ta’  Diċembru, 2025.