Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs wara li saq bla liċenzja u kiser l-ordnijiet tal-Pulizija

Raġel mill-Marsa li ġie interrogat mill-Pulizija peress li saq bla liċenzja u polza tal-assigurazzjoni mexa bil-karozza tiegħu mill-garaxx tal-pulizija minkejja li kien ingħata twissija biex ma jsuqx. Mavrick Zammit, ta’ 37 sena, deher quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco, lejliet il-Milied.

Huwa ammetta li kien qed isuq mingħajr liċenzja u mingħajr assigurazzjoni, kif ukoll li ksur ordnijiet leġittimi tal-pulizija u kundizzjonijiet tal-Qorti u li huwa reċidiv u ġie kundannat sitt xhur ħabs. L-Ispettur Nathan Bugeja spjega li uffiċjali mit-Taqsima tat-Traffiku rnexxielhom jaraw sewwieq kien qed isuq fi Triq Ġużè Gatt u beda jirriversja.

Dan għamlu hekk kif innota li kien hemm il-Pulizija fuq il-post u rnexxielu jaħrab lejn iż-żona industrijali. Wara pparkja l-karozza u telaq ‘l hemm flimkien mas-sieħba tiegħu u wliedu. Il-pulizija identifikawh minn CCTV li sabu fiż-żona industrijali fejn ammetta li ma kellux liċenzja.

Il-vettura kienet rreġistrata fuq ħuh, li ma kellux liċenzja valida wkoll, u minħabba dan il-karozza ġiet rilaxxata biss wara li rreġistrata fuq missierhom. Wara li Zammit ġie mwissi mill-pulizija biex ma jsuqx, missieru saq il-karozza, iżda Zammit daħal fiha, saq hu u ħarab mill-post. Il-pulizija segwuh u arrestawh ftit metri ’l bogħod.

Waqt is-seduta, l-avukat difensur Yanica Barbara Sant spjegat li Zammit ma kellux intenzjoni “ħażina” u li r-raġel huwa missier ta’ tmien itfal b’ieħor daqt jitwieled u għalhekk multa tkun piena aktar adegwata minn priġunerija effettiva.

Il-Qorti kkonkludiet li Zammit jingħata sentenza ta’ sitt xhur priġunerija u tefien ta’ €2,000 mid-depożitu kif ukoll sospiż milli jżomm liċenzja tas-sewqan għal sena u tmien ijiem. Wara li ngħata l-ġudizzju, Zammit ippreżenta avviż ta’ appell, li jfisser li l-effetti tal-ġudizzju huma sospiżi sakemm l-appell jiġi deċiż. L-Ispetturi Nathan Bugeja u Rachel Aquilina kienu qed jipprosekutaw waqt li l-avukat Yanica Barbara Sant iddefendiet lil Zammit.