Il-Milied huwa assoċjat ma’ ħafna tradizzjonijiet antiki marbuta ma’ ċelebrazzjonijiet reliġjużi, ikel, ħelu, ir-rigali, safar u anke mużika. U fir-Renju Unit, bla dubju li dan il-perijodu jibqa’ assoċjat ma’ element ieħor – il-futbol.
Tant hu hekk li l-ġurnata tal-Boxing Day dejjem issib timijiet kbar jikkompetu għal punti kruċjali fil-kampjonat. Għalkemm sas-sena 1965, anke fil-ġurnata propja tal-Milied kien ikun hemm skedati partiti tal-league Ingliż.
Fil-fatt, il-partita ta’ 60 sena ilu bejn Blackpool u Blackburn Rovers kellha tkun l-aħħar okkażjoni fejn intlagħab futbol f’Jum il-Milied.
Din it-tradizzjoni kienet tmur lura sas-sena 1889 meta Christmas Day kienet ġurnata importanti immens fil-kalendarju tal-futbol Ingliż. Dan minħabba li kienet festa pubblika, u allura fl-istadiums kienu jinġabru aktar u aktar nies li – ovjament – ma kienx imisshom xogħol.
Fl-1889 din it-tradizzjoni kienet imbdiet b’partita ta’ Preston North End kontra Aston Villa. Bil-partita ta’ ritorn issir l-għada, fil-Boxing Day, biex it-timijiet jivjaġġaw distanzi ugwali għaż-żewġ partiti.
Interessanti l-fatt li anke l-programm ta’ Boxing Day, din is-sena, ħa daqqa kbira minħabba d-drittijiet televiżivi. Tant li fis-26 ta’ Diċembru, minflok programm sħiħ ta’ partiti, hemm biss logħba waħda.
//= $special ?>

