F’ġurnata mimlija emozzjonijiet u sens qawwi ta’ solidarjetà, Caritas Malta laqgħet rekord ta’ aktar minn 600 persuna fil-Kurja għall-Ikla tal-Milied – edizzjoni speċjali li timmarka għaxar snin ta’ ġenerożità u għaqda fil-komunità.
Għal ġurnata waħda, il-Kurja inbidlet fl-akbar restorant f’Jum il-Milied u inħoloq spazju fejn kull min is-soltu jħossu waħdu seta’ jsib komunità, serħan u ferħ ġenwin.

Aktar minn 100 voluntier ħadmu biex jilqgħu lil kulħadd b’idejhom miftuħa, waqt li assiguraw li dawn il-jiem tal-festi jibqgħu esperjenza li ma tintesiex. Minn nies fil-bżonn, vittmi ta’ vjolenza domestika, ġenituri waħedhom bit-tfal, sa persuni li jinsabu fi programmi ta’ riabilitazzjoni – kulħadd sab post fuq din il-mejda ta’ mħabba u solidarjetà.



Il-Kap tal-PN Alex Borg, flimkien ma’ Sarah u s-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, żaru din l-ikla, u tkellmu mal-voluntieri preżenti; u rringrazzjawhom tax-xogħol siewi u ta’ dan il-ġest nobbli f’dan iż-żmien tal-Milied. Preżenti kien hemm ukoll il-President, il-Prim Ministru u l-Arċisqof Charles Scicluna.
Il-Fondazzjoni Alfred Mizzi pprovdiet l-ikel għal din il-ġurnata – soppa tal-ħaxix u dundjan mimli, filwaqt li l-Kċina tal-President ta’ Malta żiedet it-togħma ħelwa tal-Milied b’għażla ta’ ħelu tradizzjonali.
//= $special ?>

