Lokali

“Id-dinjità tal-bniedem”- Il-Papa Iljun XIV bl-ewwel barka tal-Urbi et Orbi

Fil-messaġġ tradizzjonali waqt l-Urbi et Orbi minn Pjazza San Pietru, il-Papa Ljun XIV saħaq li fejn m’hemmx d-dinjità tal-bniedem Alla ma jkunx preżenti

Il-Papa  Ljun fakkar fis-sempliċità tat-twelid ta’ Gesu, li ġie fost l-umanità sabiex jeħles lin-nies tad-dinja mid-dnub. Filwaqt li saħaq li dan it-twelid ifisser paċi u tama għal-popli tad-dinja.  

F’dan l-ewwel messaġġ tiegħu bħala Kap tal-Knisja Kattolika, il-Papa sellem lill-eluf li sfortunatament qed jistkennu mill-bombi u l-armi qattiela, minflok miġbura mal-għeżież tagħhom fil-paċi f’dan iż-żmien qaddis. Hu appella għad-djalogu sabiex it-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani u fl-Ukrajna jieqfu.

Hu tkellem ukoll fuq il-paċi anke f’kunflitti oħra, inkluż fil-familji. Apparti li sejjaħ għat-talb sabiex jieqfu l-attakki fuq il-Kristjani fl-Afrika u kull tip ta’ presekuzzjoni abbażi tat-twemmin.

L-ewwel Papa Amerikan fl-istorja tal-Knisja tkellem ukoll fuq il-bżonn li d-dinjità tal-bniedem madwar id-dinja kollha tkun ta’ prijorità għall-umanità – U aċċena b’mod speċjali għar-rikonċiljazzjoni u l-paċi.

Kien hawn fejn il-Papa Ljun XIV appella għat-talb u sabiex il-kattoliċi kollha madwar id-dinja, fis-sena l-ġdida, jkomplu jiftħu qalbhom għal Ġesù billi anke jkomplu jkunu parteċipi fil-parroċċi u l-knejjes.

Il-Papa appella wkoll sabiex il-poplu t’Alla jingħaqad  f’ġenerożità u għajnuna lejn dawk fil-bżonn – bil-Kap tal-Knisja Kattolika jfakkar l-inġustizzji soċjali kbar li għaddejjin fid-dinja tal-lum. Huwa talab ukoll għall-immigranti li jivvjaġġaw għal tama ġdida.

Fakkar li il-vjaġġ tiegħu bħala Papa ser ikun qed ikompli id f’id mal-popli tad-dinja sabiex l-umanità tkun tista’ tkompli tifhem li qatt mhu ser tkun weħidha – għax ma ġenbek, jerfa’ t-toqol tiegħek, hemm Alla.

Il-Papa Iljun XIV għalaq billi saħaq li Ġesu qed iħabbat fuq il-qalb ta’ kull wieħed u waħda minnha sabiex jixprunana ngħixu l-ħajja qaddisa li fiha nkattru l-ġid.

Intant, din is-sena, Papa Ljun XIV mexxa kemm il-quddies ta’ Nofs il-lejl u anke il-Quddies ta’ filgħodu f’Jum il-Milied – l-ewwel darba li dan seħħ sa mill-1994 minn żmien il-Papa Ġwanni Pawlu II.