Lokali

Il-President ta’ Malta tappella għar-reżiljenza u l-għaqda fil-messaġġ tal-Milied

Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono wasslet il-messaġġ annnwali tagħha għal żmien il-festi – messaġġ li kien iffukat fuq il-bżonn tat-tama u l-kuraġġ; kif ukoll l-importanza tar-reżiljenza bħala poplu magħqud li kapaċi jaffronta dak li jiġi quddiemu.

Il-President fakkret kif pajjiżna huwa mibni fuq il-pilastri tal-paċi, id-dixxiplina, l-prosperità, s-solidarjetà – u li bħala nazzjon għandna nippromwovu l-paċi.

Hi saħqet li s-suċċess ta’ dan il-pajjiż huwa dovut għall-bżulija tal-poplu Malti u Għawdxi, li bħala ġens dejjem wera kemm hu qalbieni, tul il-kisbiet storiċi li sawwru lil dan in-Nazzjon.

Il-President ta’ Malta tkellmet wkoll dwar ċerta sfidi fosthom, l-għoli tal-ħajja, il-problema tal- homelessness u bosta problemi soċjali oħra – pero fl-istess waqt qalet li meta naħdmu flimkien dawn l-ostakli kollha nistgħu nirbħulhom, kif irbaħna fil-passat.

Myriam Spiteri Debono fakkret wkoll fl-impenn ta’ pajjiżna f’fora internazzjonali – fejn dejjem nippromovi l-paċi u nsostnu dik il-viżjoni li dan in-Nazzjon dejjem ħaddan.  

Fl-aħħar nett hi, sellmet lil Maltin u l-Għawdxin kollha u mill-ġdid awgurat Milied Ħieni u sena mimlija prosperità.

Issa …l-impenn ewlieni li jmiss għall-President Spiteri Debono huwa fis-26 ta’ Dicembru, il-ġurnata tal-Istrina – jum ta’ solidarjeta li fih il-pajjiż kollu jingħaqad għal skop nobbli.