Mis-siġra tal-Milied quddiem Rockefeller Centre, għall-messaġġ tar-Re Charles… u l-Prinċipessa Kate iddoqq il-pjanu ma’ bintha Charlotte.
Il-Milied madwar id-dinja ġie iċċelebrat b’għadd ta’ tradizzjonijiet ta’ kull tip.
F’Malta, wara l-quddiesa ta’ nofs il-lejl, il-familji nġabru fid-djar biex jiftħu r-rigali u jieklu l-ħelu li huwa assoċjat ma’ dan iż-żmien tas-sena. Oħrajn għażlu li jinġabru għall-ikla tal-Milied f’nofsinhar fejn hemmhekk ukoll spikka l-ikel tradizzjonali, bħad-dundjan.
Fl-ikliet tal-Milied jispikkaw ukoll il-beef wellington u l-mince pies partikolarment fl-Ingilterra; il-mulled wine fil-Ġermanja; il-pannettone fl-Italja; kif ukoll il-pudina tal-Milied, it-trifle, u l-Christmas log.
Fl-Awstralja u New Zealand, ħafna nies qattgħu il-jum tal-Milied fuq għadd ta’ bajjiet, hekk kif huma jiċċelebraw il-festi meta għalihom ikun l-istaġun tas-sajf.

Għalkemm anke fl-Irlanda, mijiet ta’ persuni marru jgħumu lejliet il-Milied, minkejja temperaturi li kważi missew iz-zero. Bl-Irlandiżi jagħmlu din l-isfida sabiex jiġbru l-flus għal għadd ta’ karitajiet differenti.

Intant, f’Betlehem, saret purcissjoni quddiem il-Knisja tan-Nattività, li għaliha attendew eluf ta’ persuni. Din reġgħet ġiet organizzata għall-ewwel darba minn mindu kien faqqa’ l-kunflitt mil-Lvant Nofsani.



