Lokali

Żmien assoċjat mal-ħelu tradizzjonali tal-Milied

Ritratt: Martin Agius

Iż-żmien tal-Milied, huwa sinonimu ma’ ħafna elementi tradizzjonali – fosthom it-tiżjin, l-ikliet, ir-rigali, ħruġ u l-quddiesa ta’ nofsillejl. U għal ħafna, dan iż-żmien ta’ festi ifisser għaqda bejn il-familji u l-ħbieb.

Żgur li wieħed mill-aktar elementi li jispikka fil-Milied huwa l-ħelu tradizzjonali assoċjat ma’ dan iż-żmien festiv – minn kejkijiet tal-frott u Christmas logs sal-qagħaq tal-għasel.

Għal ħafna ħwienet tal-ħelu u kumpaniji dan iż-żmien iġib miegħu ġimgħat sħaħ ta’ ħidma u preparamenti sabiex jipprovdu l-aqwa prodott lill-konsumaturi.

U matul din il-ġimgħa, NET News żar żewġ negozji ewlenin tal-ħelu fejn seta’ jsegwi mill-qrib ix-xogħol u l-preparamenti li jkunu għaddejjin; inkluż il-preparazzjoni tal-kejkijiet.

Fiona D’Agostino li hija l-store manager ta’ Camilleri tal-ħelu fissritilna x-xogħol kollu li sar f’dan iż-żmien ta’ festi.

Żorna wkoll il-kċina ta’ Barigozzi fejn tkellimna mad-dulċier, Vince Saffrett illi qalilna li l-ħelu tal-Milied – sena wara l-oħra – jibqa’ mfittex minn ħafna. U li l-preparamenti ta’ dawn il-ħlewwiet jibdew minn Novembru.

Jibqa’ l-fatt li wara dan il-ħelu kollu, kull sena jkunu bosta li mill-għada tal-Milied jagħmlu proponiment biex inaqqsu mill-ħelu. Għalkemm fil-verità fadal ħafna iktar ċelebrazzjonijiet u anke festini – partikolarment fil-lejl tal-Ewwel tas-Sena u mal-bidu tas-Sena l-ġdida.