Għaddew 41 sena mill-att erojku ta’ Paul Cremona li salva numru ta’ persuni meta propju fis-26 ta’ Diċembru tal-1984 b’kuraġġ kbir kien rema bomba fuq il-blat wara li nduna li kien hemm individwi li poġġew bomba taħt it-taraġ tal-każin tal-Partit Nazzjonalista f’San Ġiljan.
Ħafna jirrakkontaw kif dakinhar huwa kien ra xi ħaġa suspettuża taħt it-taraġ tal-każin tal-PN. Cremona ħa r-riskju, u tefa’ l-bomba fuq il-bajja ta’ quddiem il-każin. U ftit minuti wara kienu instemgħu l-ispluzjonijiet li dwew minn San Ġiljan sal-Balluta.
IL-Ġimgħa filgħaxija l-Partit Nazzjonalista fakkar l-att erojku permezz ta’ ċerimonja fil-bajja fejn Pawlu Cremona propju tefa’ l-bomba. Infatti dawk preżenti nġabru quddiem plakka kommemorattiva li ġiet inawgurata sentejn ilu.

Matul iċ-ċerimonja ntqal li Pawlu Cremona salva lil pajjiżna minn paġna mudlama oħra fl-istorja politika tagħna dan apparti li salva lil ħafna nies li saru il-ġenerazzjoni li kkontribwixxiet għall-iżvilupp tal-pajjiż.
F’messaġġ qasir it-tifel ta’ Pawlu, Warren Cremona, sostna li dan huwa episodju li jġib miegħu weġgħa; għaliex ġustizzja baqgħet ma saritx – tant li missieru spiċċa arrestat għalxejn. Dan apparti li rringrazzja lil dawk preżenti li matul is-snin baqgħu jfakkru dan l-att erojku.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg akkumpanjat minn Sarah li sellem il-memorja ta’ Pawlu Cremona kif ukoll poġġa l-fjuri taħt il-plakka kommemorattiva.

Alex Borg saħaq li Cremona għamel att ta’ altruwiżmu; karatteristika li jħaddan il-Partit Nazzjonalista. U ddeskriva dik il-ġenerazzjoni bħala nies li kellhom imħabba lejn il-pajjiż u lejn dawk ta’ madwarhom.
Għaldaqsant wara ċ-ċerimonja kien hemm ukoll quddiesa f’San Ġiljan li fakkret il-memorja ta’ Pawlu Cremona.


Preżenti għall-quddiesa kien hemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello, it-Teżorier Veronica Perici Calascione, is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv Stefan diversi deputati tal-Partit Nazzjonalista, diversi kunsilliera ta’ San Ġiljan kif ukoll bosta minn dawk li għexu din il-ġrajja kerha tas-snin tmenin.








