Matul is-sena li waslet biex tispicca, il-futbol Malti tilef diversi personalitajiet li ħallew din id-dinja għal ħajja aħjar. Sintendi kienet sena li matulha smajnha b’ħafna imwiet ta’ eks plejers, inkluż ta’ plejers li kienu għadhom attivi, madankollu f’dan l-artiklu ġbarna l-ismijiet ta’ dawk li kienu eks plejers tat-tim nazzjonali Malti jew li servew f’rwoli ta’ tmexxija ta’ klabbs tal-futbol lokali.
L-2025 kienet is-sena li matulha l-futbol Malti tilef erba’ eks plejers li libsu l-flokk ta’ Malta matul iż-żmien, fosthom eks captain ta’ Malta, Willie Vassallo u żewġ eks plejers rebbieħa tal-unur tal-Plejer tas-Sena tal-MFA, Vassallo nnifsu u l-eks captain ta’ Hibernians, Louis Theobald.
Sfortunatament din kienet is-sena fejn il-partitarji Karkariżi iżda mhux biss, anke dawk li jsegwu l-futbol Malti b’passjoni u interess, saru jafu bil-mewt tal-eks President ta’ suċċess ta’ Birkirkara, Victor Zammit.
Fi Frar imut l-eks captain leġġendarju ta’ Hibernians, Louis Theobald
Fil-15 ta’ Frar li għadda, tħabbret il-mewt tal-eks plejer internazzjonali Malti, Louis Theobald li miet fl-etá ta’ 86 sena. L-eks difensur, primarjament ta’ Hibernians, kien wieħed mil-plejers li għen lill-klabb Pawlist jirbaħ l-ewwel Kampjonat tiegħu fl-istorja, fil-bidu tas-snin 60.
Theobald kien captain ukoll ta’ Hibernians, fejn rebaħ diversi unuri, inkluż l-unur prestiġjuż tal-plejer tas-sena tal-MFA, fit-tmiem tal-istaġun 1959-60.
Fost l-unuri mirbuħa tul il-karriera tiegħu, Theobald rebaħ il-Kampjonat lokali ma’ Hibernians għal darbtejn, fl-istaġun 1960-61 u fl-1966-67. Louis, li kien ‘il kbir fost tliet aħwa li kollha kienu jilgħabu l-futbol ukoll, Eddie u Ronnie, rebaħ l-FA Trophy darba fit-tmiem tal-istaġun 1961-62.
Ma’ Malta, Louis Theobald lagħab erba’ darbiet. Interessanti l-fatt li Theobald, apparti li lagħab ma’ Hibernians, hu lagħab ukoll ma’ Birżebbuġa St. Peter’s għal staġun, fl-aħħar tal-karriera tiegħu.
F’April, ħalla din id-dinja wieħed mill-aqwa talenti Maltin ta’ kull żmien, Willie Vassallo
Fis-6 t’April, il-futbol Malti tilef ikona ieħor mil-kbar ta’ din il-logħba, meta fl-Awstralja tħabbret il-mewt ta’ wieħed mill-aqwa plejers ta’ kull żmien fil-futbol domestiku, Willie Vassallo fl-etá ta’ 75 sena. Vassallo twieled il-Gżira u sa minn ċkunitu, hu mal-ewwel kien juri li għandu talent kbir fil-logħba. Għalkemm Vassallo hu meqjus bħala wieħed mill-akbar ikoni ta’ Floriana, hu kien beda jilgħab l-ewwel mat-tim tal-minors ta’ Gżira United.
Ta’ 17-il sena, Vassallo kien laqgħat l-għajn tal-kowċ ta’ dak iż-żmien ta’ Floriana, Lolly Borg; b’dan tal-aħħar sa minn dejjem kien meqjus bħala wieħed mill-aqwa individwi li kellu għajn mill-aqwa fl-identifikazzjoni tat-talent tal-plejers żgħażagħ Maltin. Kien għalhekk li Floriana, f’nofs is-snin 60, iffirmaw lil Vassallo.
M’hemmx dubju li Vassallo kien wieħed mill-aqwa plejers ta’ nofs il-grawnd li qatt kellha Malta. L-unuri li rebaħ, huma konferma tal-karriera brillanti li kellu f’Malta bħala plejer, qabel eventwalment fl-1978, Vassallo kien ħa d-deċiżjoni li jemigra lejn l-Awstralja fejn hemmhekk kompla jilgħab il-futbol ma’ Green Gully SC.
Bħala plejer ta’ Floriana, Vassallo rebaħ xejn inqas minn ħames Kampjonati, tliet darbiet l-FA Trophy u unuri oħra fosthom it-Tazza tal-Indipendenza, is-Sons of Malta Cup, Testaferata Cup u l-Christmas Cup.
Fl-istaġun 1973/74, Vassallo rebaħ l-unur tal-plejer tas-sena tal-MFA.
Fiż-żmien meta l-partiti mat-tim nazzjonali Malti kienu bil-wisq inqas minn kemm jilagħbu llum kull sena, Vassallo lagħab 31 darba bil-flokk ta’ Malta u skorja darbtejn.
Vassallo miet l-Awstralja, fejn kien baqa’ jgħix hemm wara li hu u l-familja tiegħu kienu emigraw. Madankollu, Vassallo kien spiss jiġi Malta, fejn baqa’ f’kuntatt regolari mal-pleljers li lagħab magħhom f’Malta, speċjalment dawk ta’ Floriana.
Fl-2025, imut il-President ta’ Msida St. Joseph, Robert Farrugia
Fil-25 ta’ Mejju li għadda, tħabbret il-mewt ta’ Robert Farrugia, President ta’ Msida St. Joseph Football Club. Farrugia kien meqjus bħala wieħed mill-amministraturi l-aktar attivi li kelna f’dawn l-aħħar snin fil-futbol domestiku.
Farrugia kien laħaq President ta’ Msida St. Joseph f’Ġunju tal-2007, però matul dan iż-żmien kollu kien hemm staġuni fejn serva f’rwoli oħra ta’ tmexxija fi ħdan il-kumitat. Hu dejjem kien leali lejn il-klabb u mexxa lil Msida St Joseph fi kwalunkwé diviżjoni, inkluż meta dawn kienu fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.
Farrugia kien President ta’ Msida St Joseph f’żewġ perjodi tal-karriera amministrattiva tiegħu fil-futbol. L-ewwel perjodu kien bejn l-istaġun 2007/08 sal-2011/12. Fl-istaġuni ta’ wara, għalkemm Farrugia ma kienx il-President ta’ Msida St. Joseph, xorta waħda baqa’ fil-kumitat Misidjan u kien assuma karigi differenti ta’ tmexxija fosthom dik ta’ Viċi President, Segretarju u Teżorier tal-klabb.
Lulju, ix-xahar li fiħ il-futbol Malti sar orfni bit-telfa tal-eks President ta’ Birkirkara, Victor Zammit
Fis-16 ta’ Lulju li għadda, il-futbol Malti tilef amministratur ieħor mill-kbar li tant ikkontribwixxa fit-tkabbir tal-futbol Malti, meta tħabbret il-mewt ta’ Victor Zammit. Hu kien l-eks President ta’ Birkirkara li se jibqa’ imfakkar fl-istorja bħala l-President ta’ dan il-klabb fir-rebħ tal-ewwel Kampjonat Premier fl-istorja tal-Istripes, fl-istaġun 1999/2000.
Zammit kien id-disa’ President fl-istorja tal-klabb tal-futbol ta’ Birkirkara. Hu kien elett President ta’ Birkirkara fl-1996, u minn dak iż-żmien sal-lum, il-klabb sar wieħed mill-klabbs li ta’ kull staġun ikun fost l-isfidanti għar-rebħ tal-unuri.
Hu serva bħala President ta’ Birkirkara għal 13-il sena sħaħ, sas-sena 2009, b’Zammit se jibqa’ imfakkar ukoll bħala l-persuna li xpruna l-bidla fil-klabb, bit-tim ta’ Birkirkara, fiż-żmien li hu għamel President, rebaħ xejn anqas minn 18-il unur.
Fost l-unuri miruħa fl-era ta’ Zammit bħala President, Birkirkara rebħu darbtejn il-Kampjonat Premier u erba’ darbiet l-FA Trophy.
Imut it-tielet eks plejer tat-tim nazzjonali Malti fl-2025, Louis Pace
Fl-20 t’Ottubru, il-futbol Malti tilef it-tielet eks plejer, fl-2025, li lagħab għal Malta matul iż-żmien, Louis Pace eks plejer ta’ Malta u li dejjem kien leali għall-klabb ta’ Valletta.
Pace miet fl-etá ta’ 77 sena. Hu kien wieħed mill-aqwa difensuri Maltin tas-snin 70, fejn kellu l-opportunitá jilgħab għal Malta ħames darbiet. Id-debutt tiegħu mat-tim nazzjonali Malti kien fil-famiuża partita tal-1971 meta Malta kienet lagħbet għall-ewwel darba f’Londra kontra l-Ingilterra. Dak inhar, fit-12 ta’ Mejju, f’partita valida mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej, Malta kienet tilfet 5-0 kontra l-Ingilterra.
Eventwalment, id-difensur ta’ Valletta kien lagħab darbtejn oħra kontra l-Ungerija, u darba kontra l-Greċja u l-Awstrija.
Pace kien rebaħ il-Kampjonat ma’ Valletta fl-istaġun 1973/74. Ta’ 18-il sena, Pace kien lagħab l-ewwel partita tiegħu mat-tim tal-kbar ta’ Valletta, f’Jannar tal-1966 kontra Hibernians.
Ma’ Valletta u tul il-karriera tiegħu magħhom, hu lagħab 88 partita u skorja darba.
F’Novembru, imut l-eks plejer internazzjonali Malti u ta’ Sliema, David Azzopardi magħruf aħjar bħala ‘il-Fufina’
Xahar wara, fl-20 ta’ Novembru li għadda, miet ir-raba’ eks plejer tat-tim nazzjonali Malti matul l-2025, David Azzopardi.
Dan tal-aħħar kien wieħed mill-plejers prominenti tal-futbol lokali fis-snin 70, fejn lagħab 11-il darba bil-flokk ta’ Malta. Azzpopardi, eks plejer fost l-oħrajn ta’ Sliema Wanderers, miet fl-etá ta’ 72 sena.
Azzopardi, magħruf aħjar bħala ‘il-Fufina’, kien wieħed mill-plejers Slimiżi li kellu sehem fir-rebħ fost l-oħrajn ta’ żewġ Kampjonati fis-snin 70. Fir-rwol ta’ midfielder, Azzopardi rebaħ il-Kampjonat ma’ Sliema Wanderers fl-istaġun 1971/72 u t-tieni wieħed fl-istaġun 1975/76.
Azzopardi, li kien ukoll partitarju ta’ Sliema Wanderers, rebaħ ukoll l-FA Trophy darba fl-istaġun 1973/74, u t-Tazza tal-Indipendenza darbtejn fl-istaġun 1973/74 u 1975/76.
Hu kellu debutt mill-aqwa mat-tim nazzjonali Malti fejn l-ewwel logħba tiegħu kienet fil-famuża rebħa li Malta kienet rebħet kontra l-Greċja fi Frar tal-1975. Dak in-nhar, taħt it-tmexxija ta’ Terenzio Polverini, Azzopardi kien beda’ il-partita mill-ewwel minuta iżda kien mibdul fil-bidu tat-tieni taqsima ma’ Carlo Seychell, f’dik li kienet waħda mill-aqwa partiti u riżultati miksuba minn Malta matul iż-żmien meta konna ksibna rebħa ta’ 2-0 fl-Empire Stadium.
B’kollox lagħab 11-il partita ma’ Malta, u Azzopardi kif beda’ ma’ Malta għamel l-istess fl-aħħar logħba internazzjonali tiegħu meta f’logħba ta’ ħbiberija kontra t-Tuneżija kien lagħab il-partita sħiħa f’logħba li kienet intemmet 1-0.
Azzopardi lagħab ukoll 11-il darba ma’ Sliema Wanderers f’partiti tal-Ewropa u saħansitra skorja darba. F’Settembru tal-1975, Sliema Wanderers kienu telgħu biex jilgħabu kontra Sporting tal-Portugall fit-Tazza UEFA.
Fl-ewwel partita li kienet ntlagħbet f’Malta, Azzopardi kien skorja l-gowl tad-draw kważi mas-70 minuta, bl-avversarji ta’ Sliema Wanderers skorjaw il-gowl tar-rebħa fid-89 minuta permezz ta’ Manuel Fernandes.
Fost partiti oħra memorabbli li Azzopardi lagħab ma’ Sliema Wanderers, f’Settembru u Ottubru tal-1980, hu kien lagħab fiż-żewġ partiti li l-blues kienu lagħbu fit-Tazza UEFA kontra l-qawwa ta’ Barcelona.
Azzopardi lagħab ukoll ma’ Sliema Wanderers f’rebħiet storiċi fl-Ewropa, fosthom fir-rebħa ta’ 2-0 kontra Turun Palloseura tal-Finlandja, fl-1976 f’konfront validu mit-Tazza taċ-Champions, kif ukoll f’rebħa oħra kontra avversarji Finlandiżi ukoll, Lahden Reipas fl-1974 fil-kompetizzjoni tat-Tazza tat-Tazzi. Dak in-nhar Sliema Wanderers kienu rebħu 2-1.
Apparti ma’ Sliema Wanderers, Azzopardi lagħab ukoll għal xi żmien ma’ Msida St Joseph u San Ġwann.
Azzopardi kien irtira minn plejer fit-tmiem tal-istaġun 1981/82.
//= $special ?>

