Lokali

Il-ħaddiema tal-forzi tal-ordni jiġbru u jqassmu ikel għal dawk fil-bżonn

F’inizjattiva li issa daħlet fis-sitt sena tagħha, il-ħaddiema tal-Forzi tal-Ordni reġgħu kkonfermaw l-impenn soċjali tagħhom meta ġabru u qassmu provvisti ta’ ikel li ġie miġbur matul inizjattiva ta’ solidarjetà f’diversi djar residenzjali madwar Malta.

Din l-inizjattiva, li saret bil-kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol għandha l-għan li tgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn, filwaqt li tkompli ssaħħaħ il-valuri ta’ solidarjetà, ġenerożità u responsabbiltà soċjali. Il-postijiet magħżula huma djar tat-tfal,  ċentri li jassistu vittmi ta’ vjolenza domestika bħal Dar Milja, Dar Sagra Familja, Sorijiet f’Dar San Ġużepp f’Ħaż-Żabbar u Sorijiet tal-Ursolini f’Tal-Pietà. Ingħatat assistenza wkoll lil-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far immexxi minn Patri Dijonisju Mintoff.

Dawn il-ġesti jkomplu juru li l-forzi tal-ordni huma parti integrali mill-komunità u jħaddnu bis-sħiħ il-valuri umani li fuqhom hija mibnija s-soċjetà Maltija.