Lokali

L-Istrina 2025 – 30 sena ta’ solidarjetà

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Illum ħeġġeġ lill-familja kollha sabiex tagħti sehemha, b’risq dawk li f’jum il-Milied ma kinux mimlijin ferħ – iżda kienu qed jingħataw il-kura. Huwa importanti li nkunu ta’ spalla għal xulxin fit-traġedji u fil-mard.”

Hekk stqarret il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, fil-ftuħ tal-Istrina li issa daħlet fit-30 sena tagħha dan filwaqt li spjegat li mhux kulħadd esperjenza l-ferħ ta’ żmien il-festi. U għalhekk, propju l-għada tal-Milied għandna naħsbu f’dawn il-familji, tfal u individwi oħrajn li għaddejjin minn problemi ta’ saħħa.

Il-maratona tal-Istrina, fetħet għall-ħabta f’nofsinhar b’indirizz mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż – fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg li fil-messaġġ li wassal lill-poplu propju l-għada tal-Milied, appella sabiex kulħadd jagħti s-sehem tiegħu f’din il-maratona.

Dan sabiex il-flus igawdu minnhom dawk il-Maltin u l-Għawdxin li tant huma fil-bżonn – f’festa ta’ mħabba u solidarjetà.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Matul il-messaġġ tiegħu huwa spjega kif il-Malti Community Chest Fund kienet ta’ għajnuna kbira mal-familja tiegħu għaliex bil-ġenerazzjoni tal-poplu missieru gawda lil familtu għal sitt snin oħra.

Waqt l-Istrina, Alex Borg kien akkumpanjat minn Sarah illi wkoll poġġiet mat-telefowns biex tagħti is-sehem tagħha f’din l-inizjattiva.

Minn naħa tiegħu, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna spjega t-tifsira tal-kelma ‘istrina’ u appella sabiex kulħadd jingħaqad flimkien ħalli tikber l-imħabba, l-għajnuna u s-soliderjetà. Bil-Prim Ministru Robert Abela wkoll jappella għad-donazzjonijiet fejn fakkar fil-valuri sodi li għandu l-poplu Malti u Għawdxi; valuri li qed jissarrfu f’din il-maratona.

Preżenti wkoll diversi personalitajiet popolari, li allegraw lit-telespettaturi li qed isegwu din ix-xandira fuq l-istazzjonijiet lokali. Dan filwaqt li l-President Myriam Spiteri Debono baqgħet tilqa’ t-telefonati li bdew deħlin fuq il-Pledge Line tal-Istrina.

Din il-maratona issa tista’ tgħid li daħlet f’qalb il-poplu Malti u tkun mistennija minn sena għall-oħra.

L-ewwel edizzjoni tal-Istrina tmur lura għall-1995. U issa, wara dawn is-snin kollha, tibqa’ ġurnata ħafna jkunu qed jistennew. Bil-familji ma jonqsu qatt milli jaqdu d-dmir tagħhom u jagħtu d-donazzjonijiet lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn.