Internazzjonali Lokali

Minn fejn oriġina l-isem ‘Boxing Day’?

Ritratt: Sky News

Il-jum ta’ wara l-Milied, il-festa ta’ San Stiefnu jew kif jafuha l-Ingliżi ‘Boxing Day’ hija ġurnata li tiġi ċċelebrata f’numru ta’ pajjiżi fosthom l-Ingliterra, Wales, il-Kanada, l-Awstralja, u anka l-Afrika ta’ Isfel.

Iżda wieħed jistaqsi… kif oriġina l-isem Boxing Day?

Bosta jgħidu li l-isem oriġina minn żmien ir-Reġina Vittorja fejn persuni sinjuri kienu jagħtu lis-sefturi tagħhom u lill-foqra numru ta’ rigali li kienu jkunu ippakjati f’kaxxi. Minn naħa l-oħra dawn is-sefturi kienu jgawdu minn ġurnata franka; u kienu jieħdu dawn il-kaxxi bir-rigali lill-familji tagħhom.

Oħrajn jgħidu li l-isem Boxing Day ġie ispirat mill-kaxxi li numru ta’ ħaddiema kienu jingħataw mingħand l-imgħallem tagħhom. Għalkemm hemm uħud illi jgħidu li l-oriġini tal-isem ġie ispirat mill-kaxxi li kienu jitħallew f’numru ta’ knejjes biex jinġabru donazzjonijiet għal dawk inqas ixxurtjati – kaxxi li kienu jinfetħu fil-jum tal-Milied, pero kienu jitqassmu l-għada.

Waqt li dawn il-kaxxi illum il-ġurnata ma għadhomx daqsekk popolari – numru ta’ knejjes għadhom jitolbu għal xi ikel u affarijiet oħra tal-ħwejjeġ sabiex jitqassmu l-għada tal-Milied.

Bosta jqattgħu din il-festa flimkien mal-familja tagħhom f’atmosfera rilassanti; fost l-ikel tradizzjonali abbinat ma’ din il-ġurnata insibu perżut moħmi, puddini u l-famużi mince pies….u anka ħobż bil-biċċiet tad-dundjan, hekk kif ġeneralment l-ikla ta’ dan il-jum kienet tinkludi bosta fdalijiet tal-ikel mil-ġurnata ta’ qabel.

Intant fir-Renju Unit hemm dawk li jiċċelebraw il-festa ta’ Boxing Day billi jsegwu varjetà ta’ sports – fosthom żwiemel, rugby, kif ukoll logħob tal-football. Għalkemm din is-sena, fil-Premier hemm skedata logħba waħda biss.

Interessanti l-fatt li sas-snin 50 tas-seklu l-ieħor fil-jum tal-Milied kien ikun hemm bosta partiti tal-football. Iżda dawn eventwalment kienu twaqqfu għal kollox u ġew trasferiti għall-għada tal-Milied.