Futbol Sport

Nathan Aké fil-mira ta’ Barcelona, fit-tieqa ta’ Jannar

Nathan Aké
Nathan Aké

Skont rapporti ppubblikati minn AS, jingħad li Barcelona qed jikkunsidraw li jakkwistaw b’self lid-difensur ċentrali ta’ Manchester City, Nathan Aké, fit-tieqa tat-trasferimenti ta’ Jannar.

Għalkemm Aké, ta’ 30 sena, ma jistax jitqies bħala plejer żagħżugħ, huwa joffri esperjenza kbira fl-ogħla livell ta’ futbol, kif ukoll versatilità fid-difiża hekk kif il-plejer kapaċi jilgħab bħala difensur ċentrali kif ukoll mal-linja tax-xellug.

It-trasferiment ta’ Aké jidher possibbli fl-immedjat, hekk kif l-Olandiż tilef postu fit-tim ta’ Manchester City, filwaqt li l-kuntratt tiegħu jiskadi f’Ġunju tal-2027.

Madankollu, Barcelona mistennija jaffaċjaw kompetizzjoni qawwija fit-tentattiv tagħhom biex jiffirmaw lil Aké matul din it-tieqa ta’ Jannar, hekk kif diversi klabbs tal-Premier League Ingliż, fosthom Crystal Palace, Bournemouth u Fulham, huma wkoll interessati fl-akkwist tad-difensur li bħalissa għandu valur fis-suq ta’ ftit inqas minn €20 miljun.

Manchester City kienu akkwistaw lil Aké fis-sajf tas-sena 2020, meta kienu ħalsu s-somma ta’ €45.30 miljun lil Bournemouth. Ma’ Manchester City, Aké lagħab ftit aktar minn 150 partita u skorja għaxar gowls.