Sport Waterpolo

Neptunes jissaħħu bl-akkwist tal-internazzjonali Malti, Ivan Nagaev

Ivan Nagaev
Ivan Nagaev

Ftit jiem biss qabel it-tmiem tal-2025, Neptunes ħabbru l-akkwist ta’ plejer importanti li mistenni jkun ta’ kontribut ewlieni fil-mira tal-klabb li jerġa’ jirbaħ il-Kampjonat tal-waterpolo Malti fis-sajf li ġej. Permezz tal-paġna uffiċjali tagħhom fuq Facebook, Neptunes ikkonfermaw li l-internazzjonali Malti, Ivan Nagaev issa huwa plejer tagħhom.

Din l-aħbar waslet ftit jiem biss wara li sar magħruf li l-plejer, li twieled fir-Russja, kiseb il-passaport Malti. Fl-aħħar xhur, kemm Valletta kif ukoll l-ASA ressqu talba quddiem l-awtoritajiet lokali biex Nagaev, li għandu 32 sena, jingħata ċ-ċittadinanza Maltija.

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, l-eks internazzjonali Russu ngħata uffiċjalment il-passaport Malti u diġà lagħab fl-ewwel logħbiet ta’ ħbiberija ma’ Malta kontra l-Portugall, bħala parti mill-preparazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo li se jsiru f’Belgrad, is-Serbja.

Matul dawn l-aħħar snin, Nagaev lagħab ma’ Valletta wara li kien inġieb f’Malta minn Marsaxlokk. Tul iż-żmien tiegħu fil-Kampjonati tas-sajf, iddistingwa ruħu bħala wieħed mill-aqwa plejers barranin, taħt il-gwida tal-kowċ Joe Cremona. Issa li sar Malti, kull tim li jinkludi lil Nagaev jista’ jiffirma plejer barrani ieħor, peress li x-xellugi jitqies bħala plejer lokali.

Neptunes irnexxielhom jiksbu s-servizzi ta’ plejer li żgur isaħħaħhom għall-istaġun li ġej. Nagaev lagħab mar-Russja bejn l-2013 u l-2021, iżda bħal diversi plejers Russi oħra, għażel li ma jibqax jirrappreżenta lil pajjiżu. Fost dawn hemm Konstantin Kharkov, li mill-2022 sar internazzjonali tal-Kroazja, u Dmitri Kholod, li minn din is-sena qed jirrappreżenta lill-Montenegro.

Issa, Ivan Nagaev sar l-aħħar fost dawn il-plejers li bidlu ċ-ċittadinanza tagħhom u mistenni jingħaqad mal-iskwadra nazzjonali Maltija taħt it-tmexxija tal-kowċ Milan Cirovic, għall-Kampjonati Ewropej li se jsiru bejn l-10 u l-25 ta’ Jannar fis-Serbja.

Fi stqarrija fuq il-midja soċjali, Neptunes qalu: “Ninsabu ferħanin li qed inħabbru l-firma tax-xellugi Ivan Nagaev b’ftehim fit-tul.”