L-Istati Uniti, b’koordinazzjoni mal-Gvern tan-Niġerja, fl-aħħar sigħat, wettqet sensiela ta’ attakki militari kontra l-militanti b’konnessjonijiet mal-ISIS fl-artijiet Niġerjani tal-majjistral….Zona fejn it-terroristi għandhom numru ta’ bażijiet minfejn qed joperaw l-attakki fuq il-villaġġi tal-Kristjani fil-madwar.
L-azzjoni militari konċentrat fuq il-kampijiet tal-ISIS fl-Istat ta’ Sokoto, viċin il-fruntiera tan-Niġerja man-Niġer. Intant, l-ewwel evalwazzjoni tal-militar Amerikan irreferiet għal ‘diversi terroristi maqtula’ – bil-President Amerikan, Donald Trump, f’messaġġ speċjali, itenni li l-pjan tal-Istati Uniti ‘qed jaħseb fl-eliminazzjoni tal-gruppi terroristiċi fin-Niġerja li ilhom joqtlu lir-residenti Kristjani innoċenti f’dan il-pajjiż Afrikan’.
Il-Ministru Niġerjan għall-Affarijiet Barranin, Yusuf Maitama Tuggar, qal, sadanittant, li l-azzjoni kontra l-ISIS kienet parti minn kampanja militari konġunta bejn l-Amerikani u pajjiżu…Azzjoni li, fi kliemu, ma kellha x’taqsam xejn ma’ xi reliġjon partikulari.
Il-Gvern Niġerjan, issa, qed jgħid li l-attakki fuq l-ISIS kienu ilhom ippjanati u li kien hu li provda l-informazzjoni sigrieta lill-Amerikani biex l-attakki jitmexxew bi preċiżjoni. Dan meta l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Lagos ma eskludiex għal aktar attakki fuq l-ISIS kif — ukoll fuq il-moviment Boko Haram tal-militanti Iżlamiċi.
Il-Gvern Niġerjan enfasizza wkoll li l-attakki militari fruq l-ISIS bl-ebda mod ma kienu relatati ma’ żmien il-Milied u li dawn setgħu saru fi kwalunkwe żmien ieħor…L-impenn, f’dan il-każ, kien l-eliminazzjoni ta’ terroristi responsabbli mill-qtil indiskriminattiv tal-Kristjani fin-Niġerja.
Il-Gvern Niġerjan ilu s-snin jikkumbatti kontra network ikkumplikat ta’ gruppi tal-ġiħadisti…Gruppi li, minbarra l-ISIS u l-Boko Haram, jinkludu wkoll entitajiet terroristiċi diversi b’affiljazzjoni mal-ISIS. Ħafna mill-kampanji militari kontra dawn il-gruppi qed isiru fil-Grigal tan-Niġerja, ‘il bogħod mill-Istat ta’ Sokoto.
Sadanittant, il-Gvern tal-President Trump kien akkuża lill-Gvern Niġerjan dwar ‘falliment sfaċċat’ fl-isforzi tiegħu biex jipproteġi lir-residenti Kristjani f’pajjiżu mill-attakki tal-ġiħadisti. Donald Trump, fil-fatt, anki tkellem dwar ‘ġenoċidju li qed jevolvi fin-Niġerja’.
Il-President Trump anki rrefera għan-Niġerja bħala ‘pajjiż li jqajjem lok għal inkwiet partikulari’ – bl-Istati Uniti, is-soltu, tuża dan it-terminu biex tiġġustifika s-sanzjonijiet kontra l-pajjiżi li jabbużaw b’mod sfaċċat id-dritt għall-espressjoni ħielsa tar-reliġjon.
//= $special ?>

