Internazzjonali

Tajlandja-Kambodja: Azzjonijiet mill-ajru fost it-taħditiet

Il-qawwiet tat-Tajlandja mexxew offensiva mill-ajru fuq zona polemikuża li tifforma parti mill-fruntiera komuni mal-Kambodja….Azzjoni li seħħet anki waqt li l-uffiċjali taż-żewġ pajjiżi kienu għaddejjin b’taħditiet bil-għan li jieqaf  il-ġlied bejn il-militar rispettivi.

Il-kelliema għall-qawwiet tal-ajru Tajlandiżi qalu li l-ajruplani tal-gwerra laqtu ‘pożizzjoni militari fortifikata’ tal-Kambodjani wara li ċ-ċivili kienu evakwaw mill-inħawi.

Intant, il-Ministeru Kambodjan għall-Affarijiet Barranin akkuża lit-Tajlandiżi dwar attakki indiskriminattivi fuq iz-zoni għar-residenti ċivili filwaqt li tenna li l-aħħar attakki ħallew ukoll numru ta’ midruba.

Il-ġlied bejn il-militar Tajlandiż u tal-Kambodja żbroffa mill-ġdid dan ix-xahar wara li l-ftehim għall-paċi fraġli li kien daħal fis-seħħ f’Lulju ġab fi tmiem sensiela ta’ battalji intensivi fl-artijiet tal-fruntiera.

Mietu talanqas 50 mindu żbruffaw l-aħħar ostilitajiet bejn it-Tajlandja u l-Kambodja – bi kważi miljun persuna jispiċċaw kostretti li jgħixu bħal refuġjati.

Dan ukoll meta l-Gvernijiet tat-Tajlandja u l-Kambodja t-tnejn qegħdin iwaħħlu f’xulxin għall-aħħar splużjoni ta’ ġlied li mistenni jkompli matul il-ġranet li ġejjin.