Internazzjonali

Zelensky:Pożittiv dwar konklużjoni tal-gwerra

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, ħareġ b’evalwazzjoni pożittiva dwar l-aħħar diskursata bejnu u r-Rappreżentanti tal-Istati Uniti dwar il-possibbiltà li tintemm il-gwerra li ilha għaddejja għal kważi erba’ snin fl-Ukrajna.

Zelensky  qal li t-telefonati tiegħu ma’ Steve Witkoff u Jared Kushner, ir-Rappreżentanti Speċjali tal-Istati Uniti, ipproduċew ideat ġodda f’termini ta’ laqgħat u perjodi ta’ żmien għall-impenji biex iqarrbu paċi konkreta u permanenti.

Dan ukoll meta l-Mexxej Ukren qed iħejji għal laqgħa oħra mal-President Amerikan Donald Trump u li mistennija sseħħ fil-futur qarib.

Ftit tal-jiem ilu, Zelensky spjsega d-dettalji ta’ pjan għal paċi aġġornat li jibbaża fuq 20 punt u li d-delegazzjonijiet tal-Ukrajna u l-Istati Uinti kienu qablu dwaru waqt taħditiet fi Florida.

Min-naħa tiegħu, il-Kremlin  indika li qed janalizza l-proposti skont kif qed jispjegahom diplomatiku ewlieni f’Moska.

Donald Trump u d-delegazzjonijiet tiegħu ilhom l-aħħar ġimgħat involuti fit-taħditiet mal-Ukrajna u r-Russja bit-tama li jikkonkludu ftehim għat-tmiem tl-gwerra li bdiet fi Frar tal-2022 meta l-qawwiet ta’ Vladimir Putin invadew l-artijiet tal-Ukreni.

Fl-istess ħin, qed jidher tassew li seħħ xi ftit tal-progress, bil-President Ukren ifaħħar ‘l-ideat tajbin’ imressqa minn Steve Witkoff u Jared Kushner, fi żmien partikularment attiv għad-diplomazija.

Intant, Zelensky qed jaqbel li ‘fadal ħafna xi jsir rigward xi issues sensittivi’, iżda xorta waħda hu ottimist li l-Ukrajna, b’kollaborazzjoni mal-Istati Uniti, kapaċi tfassal abbozz għall-paċi effettiv u li jkun jaqbel għal kulħadd.

Dan ukoll meta fl-aħħar sigħat, Rustem Umerov, l-ogħla uffiċjal Ukren inkarigat mis-sigurtà, kompla bid-diskussjonjiet sensittivi mad-diplomatiċi tal-Istati Uniti.