Internazzjonali

15-il persuna midruba f’attakk f’fabbrika fil-Ġappun

15-il persuna ndarbu f’attakk bis-sikkina fi fabbrika li tipproduċi t-tyres magħrufa bħala Yokohama Rubber Co fil-belt ta’ Mishima.

Din il-belt ta’ Mishima tinsab fil-punent ta’ Tokyo.

Tmiem persuni ndarbu b’sikkina, filwaqt li seba’ oħra sfaw affettwati wara li l-aggressur tefa’ l-bleach fuqhom.

Skont l-awtoritajiet Ġappuniżi, ħamsa mill-persuni li sfaw midruba mill-attakki tas-sikkina jinsabu f’kundizzjoni serja, iżda kollha kienu konxji meta ttieħdu l-Isptar.

Il-motiv ta’ dan l-attakk għadu mhux magħruf, bis-suspettat jkun raġel ta’ 38 sena u eks impjegat tal-fabbrika, fejn huwa ġie arrestat fuq suspett ta’ attentat ta’ tqil.

Rapporti tal-midja qalu li kien armat b’sikkina kbira u kien liebes dak li deher bħala maskra protettiva.

Intant, fil-Ġappun ir-rata ta’ kriminalità hija waħda pjuttost baxxa u rari, għalkemm fl-aħħar snin kien hemm numru sostanzjali ta’ attakki bis-sikkina li ħakmu l-pajjiż.