Lokali

60 kilometru kuljum ma’ Zach b’risq YMCA Malta

L-atleta Malti Zach Vella qiegħed jiġri 60 kilometru kuljum – inizjattiva li bdiet fis-26 ta’ Diċembru u li għandha għaddejja sa lejlet l-ewwel tas-sena b’risq il-YMCA Malta.

F’boxing day, Vella għamel distanza ta’ sittin kilometru bil-ġiri – mill-Bajja tal-Mixquqa sa Marsaxlokk, bil-għan li jiġbor €20,000 ħalli l-YMCA jingħataw sostenn fil-ħidma tagħhom ma’ individwi bla saqaf fuq rashom, familji, u żgħażagħ li qed iħabbtu sfidi serji quddiem wiċċhom.

L-ewwel ġurnata ma kinitx tfisser biss sfida kbira fiżika, iżda spikka wkoll is-sens qawwi ta’ sostenn minn bosta hekk kif diversi persuni ingħaqdu ma’ Vella fir-rotta tiegħu – inkluż omm ta’ żewġ itfal, Rose Marie Decelis, li ġriet ma’ Vella mill-bidu sal-aħħar.

Vella saħaq li s-sostenn kbir li rċieva mill-poplu juri s-saħħa tal-komunità meta ningħaqdu għal għan wieħed.

Dan filwaqt li Rose Marie Decelis saħqet li ddeċidiet li tingħaqad ma’ Zach Vella għaliex temmen li meta taħseb f’ħaddieħor huwa ġest fejn bi ftit tkun tista’ tgħin lil bosta. L-isfida ta’ Vella miftuħa għal kulħadd – b’inklussività u aċċessibilità – fejn ta’ kuljum se jkun qiegħed jgħaddi minn irħula u villaġġi differenti.