Lokali

Alex Borg iżur lil Marì Galea li għandha 105 snin

Twieldet fl-1920 … Marì Galea fl-10 ta’ Diċembru li għadda ċċelebrat għeluq il-105 snin tagħha.

Marì li tgħix f’San Pawl il-Baħar hija t-tieni wild fost 14-il aħwa u hija omm ta’ żewġt itfal, nanna ta’ erbgħa u bużnanna ta’ tmienja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg żar lil Marì Galea fir-residenza tagħha – fejn laqatu bi ħġarha u rrakkontatlu wħud mill-esperjenzi u l-ġrajjiet ta’ ħajjitha.

Matul din iż-żjara hija rrakkontat kif meta kellha fuq l-20 sena kienet faqqgħet it-tieni gwerra dinjija u dak iż-żmien, flimkien mal-familja tagħha, magħrufa bil-laqam ‘tan-naħla’ kellhom imorru joqgħodu fl-inħawi ta’ San Martin f’San Pawl il-Baħar.

Marì Galea lura fiż-żmien, kienet taħdem bħala ħajjata –xogħol li għamlet għal tant snin fejn bosta jafuha bħala ħajjata prima li ħititilhom l-ilbiesi tat-tieġ, saħansitra ta’ nies prominenti fil-Gżejjer Maltin.

Hija ħietet ukoll it-tibdila ta’ Alexandra Mattei, mart George Borg Olivier, għall-okkażjoni taċ-ċerimonja ta’ Jum l-indipendenza.

Mari spjegat li s-sigriet biex persuna tgħix ħajja fit-tul huwa li ma tinkwetax żżejjed, u żżomm ruħha attiva.

Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, kien akkumpanjat mix-Shadow Minister Graziella Galea. Preżenti wkoll kien hemm iż-żewġt ulied tal-anzjana u l-irġiel tagħhom.