F’jum il-Milied, Il-Kċina ta’ Marta flimkien ma’ 220 voluntier mill-Uffiċċju tal-Voluntiera tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, wasslu b’suċċess 350 ikla b’żewġ platti, lil 120 indirizz differenti, flimkien ma’ deżerta, u rigal tal-Milied għat-tfal fid-dar, lil individwi fil-bżonn madwar Malta. L-ikliet twasslu direttament fid-djar minn voluntiera apposta, u b’hekk dawk li ma setgħux jattendu l-ikla tal-Milied fil-Kurja minħabba kwistjonijiet ta’ mobbilità jew saħħa, jew sfidi oħra, ma tħallewx mingħajr ikla sħuna u bnina.
Lil hinn mil-loġistika, l-inizjattiva tiffoka fuq xi ħaġa aktar importanti — il-kuntatt uman. Għal ħafna minn dawn in-nies, il-volontiera kienu l-uniċi viżitaturi li kellhom dakinhar, li ġabu magħhom mhux biss ikel, imma wkoll ferħ, dinjità, u awgurju mill-qalb.
Il-voluntiera tkellmu dwar l-esperjenza li kellhom, fosthom kif fittxew djar tan-nies b’indirizz ħażin, f’każ minnhom ċemplu għall-għajnuna għax il-persuna ħtieġet għajnuna medika, kif ukoll taw wens f’sitwazzjonijiet diffiċli. Uħud min-nies li rċivew l-ikla stqarrew li dak kien l-uniku kuntatt li kien se jkollhom matul il-ġurnata u oħrajn kellhom iċ-ċans li jaqsmu ma’ ħaddieħor it-tbatijiet u l-mard tagħhom, jew l-isfidi finanzjarji li għaddejjin minnhom bħalissa. Il-voluntiera nnutaw ukoll is-sens qawwi ta’ għaqda u tkabbir personali li raw fihom infushom meta ngħaqdu flimkien biex ikunu ta’ servizz għal ħaddieħor.
Il-Kċina ta’ Marta, li tagħmel parti mill-Fondazzjoni Opri Soċjali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta (FOSAM), topera permezz tal-ġenerożità tal-voluntiera u l-benefatturi, billi tipprovdi aktar minn 500 ikla kull ġimgħa lil individwi referuti minn professjonisti mill-qasam soċjali. Din l-inizjattiva annwali tal-Milied, flimkien mal-ikla tal-Milied organizzata mill-Caritas fil-Kurja tal-Arċisqof u f’diversi parroċċi, tirrifletti l-missjoni tal-Knisja li tilħaq l-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà, b’mod partikolari fi żmien meta ħadd m’għandu jħossu minsi jew waħdu.
Il-Kċina ta’ Marta u l-Uffiċċju tal-Voluntiera tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, jirringrazzjaw lill-voluntiera kollha li taw ħinhom u qalbhom, kif ukoll lill-benefatturi li għamlu din l-inizjattiva possibbli. Ringrazzjament speċjali huwa dovut lill-Fondazzjoni Alf Mizzi u benefatturi oħra għall-ġenerożità u l-impenn kontinwu tagħhom.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jappoġġja l-ħidma kontinwa ta’ Il-Kċina ta’ Marta permezz ta’ donazzjonijiet, li jgħinu biex jestendu l-għożża, id-dinjità, u t-tama lil dawk fil-bżonn. Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru permezz ta’ https://knisja.mt/donazzjonijiet/ u fil-messaġġ jindikaw li jixtiequ li l-flus imorru għall-Kċina ta’ Marta jew permezz ta’ ċekkijiet pagabbli lil FOSAM Loop u mibgħuta lil 18, il-Kurja tal-Arċisqof, Pjazza San Kalċidonju, il-Furjana FRN1535.
//= $special ?>

