Lokali

Mixli li seraq mobile u flus kontanti fil-Marsa

Ahmed Qadar Abukar Ahmed, ta’ 37 sena mis-Somalja, residenti Marsalforn, li jaħdem bħala impjegat fil-qasam tal-kostruzzjoni, ċaħad akkużi ta’ serq miġjuba kontrih u nżamm taħt arrest.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-inċident seħħ fl-20 ta’ Novembru li għadda fil-Marsa, meta l-akkużat allegatament aggredixxa persuna oħra, seraqlu l-mowbajl u madwar €300 fi flus kontanti, u kkaġunalu ġrieħi ta’ natura gravi.

Intqal ukoll li l-każ damm minħabba li l-aggressur ma setax jiġi identifkat mill-filmati tas-CCTV.

Madankollu, aktar kmieni dan ix-xahar, il-vittma mar l-Għassa tal-Marsa u stqarr li għaraf l-aggressur f’bar, fatt li wassal biex il-Pulizija tarresta lill-imputat.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistat Tanya Sammut, iddikjarat l-arrest bħala validu u ċaħdet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest, peress li l-vittma għadha trid tixhed fil-kawża.