Internazzjonali

Zelensky mistenni jiltaqa’ ma’ Trump fi Florida

Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky ħabbar li se jiltaqa’ mal-President tal-Istat Uniti Donald Trump fi Florida, hekk kif bħalissa għaddejjin taħdidiet biex tintemm il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna.

Zelensky qal li din il-laqgħa tal-Ħadd se tiffoka fuq pjan ta’ paċi propost mill-Istat Uniti, kif ukoll dwar il-garanziji ta’ sigurtà Amerikani li Kiev qed tinsisti li huma essenzjali għal kwalunkwe ftehim.

Madankollu, uffiċjali Russi qalu li l-pjan ta’ paċi tal-Istat Uniti huwa differenti minn dawk li r-Russja qed tinnegozja ma’ Washington.

Il-Kremlin għadu ma rreaġixxiex pubblikament għall-proposta ta’ Zelensky li jirtira l-mitilar Ukren minn partijiet tad-Donbass sakemm ir-Russja tagħmel l-istess.

Filwaqt li għaddejjin dawn id-diskussjonijiet, is-sitwazzjoni preżenti bejn l-Ukrajna u r-Russja kompliet tiggrava matul il-lejl bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, dan hekk kif ġew irrappurtati attakki Russi mill-ajru li kkawżaw diversi ħsarat infrastrutturali f’binjiet residenzjali u kummerċjali fil-belt kapitali ta’ Kiev.

Kien hemm ukoll rapporti oħra ta’ attakki fir-reġjun u fil-belt ta’ Kharkiv, fejn inqatlu żewġ persuni.

Ir-Russja bħalissa qed tikkontrolla parti kbira mir-reġjun tad-Donbass.

Trump minn naħa tiegħu qal li hu mistenni ukoll jagħmel kuntatt mal-President Russu Vladimir Putin, u sostna li l-ebda ftehim mhu se jsir mingħajr l-approvazzjoni tiegħu.

Ir-Russja ilha minn Frar tal-2022 li invadiet it-territorju Ukren, fejn inqatlu numru kbir ta’ nies innoċenti. Dan apparti li l-Kremlin għadu qed jattakka l-infrastruttra tal-enerġija – bir-riżultat li l-poplu Ukren, fl-eqqel tax-xitwa, qed ibati kesħa estrema.