Lokali

48 sena mill-qtil ta’ Karin Grech

48 sena ilu seħħ wasal dak li kien maħsub li kien rigal tal-Milied għand il-familja Grech.

Tfajla ta’ 15-il sena, Karin Grech, fetħet dan il-pakkett li ħaseb li kien rigal tal-Milied indirizzat għal missierha, il-professur Edwin Grech, fid-dar tagħhom f’San Ġwann.

Il-pakkett, li kien fih bomba, sploda mal-mument li t-tfajla fetħitu, b’ħuha Kevin ħdejha.

Karin Grech ittieħdet l-Isptar San Luqa iżda kienet iċċertifikata mejta ftit tal-minuti wara.

F’post fuq il-midja soċjali tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg sellem il-memorja ta’ din it-tfajla innoċenti. Fejn spjega li l-memorja tagħha tibqa’ tfakkar lill-poplu Malti u Għawdxi fil-prezz li jħallsu l-innoċenti meta l-mibgħeda u l-vjolenza jieħdu post id-djalogu u r-rispett.

Alex Borg spjega li propju f’dan il-jum, huwa jġedded l-impenn tiegħu għal pajjiż fejn id-differenzi qatt ma għandhom iwasslu għall-vjolenza u fejn il-ġustizzja, il-paċi u d-dinjità tal-bniedem għandhom jiġu rrispettati u mħarsa.

Dan il-każ makabru għadu ma ġiex solvut sal-ġurnata tal-lum.