Futbol Sport

AFCON | S’issa l-uniċi li avvanzaw mal-aħħar 16 huma l-Eġittu u n-Niġerja

L-Eġittu kien l-ewwel pajjiz li għamilha mal-aħħar 16 tal-AFCON.
L-Eġittu kien l-ewwel pajjiz li għamilha mal-aħħar 16 tal-AFCON.

Sas-Sibt filgħaxija, żewġ pajjiżi kienu diġà kkwalifikaw għar-round tal-aħħar 16 tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani (AFCON) 2025, li bħalissa qed tintlagħab.

Dawn huma l-Eġittu u n-Niġerja. Iż-żewġ timijiet rebħu l-ewwel żewġ logħbiet tal-grupp tagħhom biex assiguraw posthom fil-fażi li jmiss tat-turnew.

L-Eġittu żamm sod u rnexxielu jegħleb lill-Afrika t’Isfel 1-0 minkejja li lagħab b’għaxar plejers għal aktar minn nofs il-partita. Il-gowl deċiżiv wasal ftit qabel il-mistrieħ minn Mohamed Salah. Ftit minuti wara, id-difensur Mohamed Hany tkeċċa wara li rċieva t-tieni karta safra. Minkejja s-superjorità numerika tagħhom, l-Afrika t’Isfel naqsu milli japprofittaw u tilfu l-konfront.

F’Grupp C, is-Sibt filgħaxija, in-Niġerja saret it-tieni pajjiż li avvanza għall-aħħar 16 wara rebħa ta’ 3-2 kontra t-Tuneżija.

Victor Osimhen, Wilfred Ndidi u Ademola Lookman kollha sabu x-xibka biex taw lit-tim ta’ Eric Chelle vantaġġ ta’ tliet gowls. Madankollu, it-Tuneżija reġgħu daħlu fil-logħba grazzi għal daqqa ta’ ras ta’ Montassar Talbi u penalty ta’ Ali Abdi, iżda ma rnexxilhomx jevitaw it-telfa.