Internazzjonali

‘And God Created Woman…’ Franza tibki t-telfa tal-attriċi ikona Brigitte Bardot

Id-Dinja tal-films u l-ispettaklu tilfet ikona oħra bl-aħbar li l-attriċi veterana Franċiża Brigitte Bardot – l-ewwel sex symbol taċ-ċinema internazzjonali – mietet fl-età ta’ 91 sena.

Bardot – waħda mill-aktar uċuh famużi għal kull żmien – kienet ilha s-snin li rtirat bħala attriċi u fejn iddedikat ħajjitha għall-ħarsien u protezzjoni tal-annimali….Rwol li kompla jkabbrilha l-profil u wara li hi kellha wkoll karriera bħala kantanta fejn ħarġet diversi albums li kisbulha suċċessi kbar fi Franza u madwar l-Ewropa.

Stqarrija, sigħat ilu, mill-Fondazzjoni Brigitte Bardot sostniet li isem l-attriċi se jinżamm ħaj anki wara mewtha — speċjalment ladarba hi deċidiet biex tirtira minn karriera hekk brillanti bil-għan li tiddedika ħinha kollu għall-impenji assoċjati mal-animal welfare.

Brigitte Bardot kienet aktar minn sempliċi attriċi u kantanta u l-fama tagħha, mas-snin, saret parti mill-identità ta’ Franza f’għajnejn il-barranin. Fil-fatt, il-President Franċiż, Emmanuel Macron, fl-aħħar sigħat, qal li, bil-mewta ta’ Bardot, ‘pajjiżu tilef il-leġġenda tas-seklu’.

Bardot kienet ukoll personalità kontroversjali – mhux l-anqas minħabba r-relazzjonijiet romantiċi li kellha ma’ diversi personalitajiet famużi…Hi iżżewġet erba’ darbiet f’ħajjitha, bl-ewwel żwieġ tagħha jkun ma’ Roger Vadim, id-direttur tal-films, meta hi kien għad għandha biss 18-il sena. 

U r-reputazzjoni ta’ Bardot bħala ‘spirtu liberu’ – speċjalment għas-snin ħamsin u s-sittinijiet – kienet aktar rinfurzata b’relazzjonijiet oħrajn li hi kellha mal-attur Jean-Louis Trintignant u l-miljunarju Ġermaniż, Gunther Sachs.

L-attriċi saret famuża fuq livell internazzjonali għall-parti tagħha fil-film Helen of Troy tal-1956 – u meta hi kienet ukoll il-protagonista ta’ films oħrajn ċelebri, fosthom And God Created Woman, Contempt, The Female, The Night Heaven Fell u The Legend of Frenchie King….Films li nħadmu kollha bejn l-aħħar tal-ħamsinijiet u l-bidu tas-snin sebgħin.

Fl-istess ħin, Bardot ħalliet warajha legat pjuttost ikkumplikat u meta hi, snin ilu, anki ġibdet l-attenzjoni bħala personalità li inċitiet il-mibgħeda fuq bażi ta’ razza.

Intant, il-Franċiżi minn kull qasam tas-soċjetà, fil-preżent, qed jirreaġġixxu għall-mewta tal-attriċi – u meta eluf kbar ta’ residenti fiz-zoni Franċiżi tan-Nofsinar raw jew għandhom xi storja li tinvolvi direttament lil Brigitte Bardot…Mid-dehriet spettakulari tagħha fil-Bajja ta’ San Tropez sal-preżenzi eleganti għall-Festivals tal-Films ta’ Cannes u d-drabi fejn hi attendiet l-attivitajiet kulturali organizzati fir-ristoranti u stabbilimenti oħrajn tar-Riviera Franċiża.

Sadanittant, l-aħħar referenzi għal Brigitte Bardot enfasizzaw li ħajjitha saret simbolu tal-feminiżmu madwar id-dinja u li hi se tibqa’ ukoll il-wiċċ uniku ta’ ġenerazzjoni mimlija ħajja, talent u determinazzjoni biex jinfetħu l- orizzonti ġodda għall-industrija tal-films u d-divertiment.