Għawdex Lokali

‘Betlehem f’Għajnsielem’ jiġbed eluf kbar ta’ viżitaturi

Ritratti: Martin Agius

Minn tfal żgħar sa adulti. Familji u anzjani. Ħafna Maltin. U għexieren ta’ turisti. Għal sen’oħra, l-attività Betlehem f’Għajnsielem qed tkun suċċess minn kull aspett.

Betlehem f’Għajnsielem issa daħlet fis-16-il edizzjoni. U kull sena toffri prespju ħaj u li hu ferm popolari mal-Maltin u l-Għawdxin kif ukoll ma’ dawk it-turisti li jżuru Għawdex waqt dawn iż-żminijiet ta’ festi.

Il-Presepju Ħaj jittella’ wara xhur ta’ preparamenti bis-sehem ta’ voluntieri tant iddedikati li jqattgħu sigħat sħaħ bil-għan li jkun ta’ suċċess – b’eluf ta’ persuni kull sena jżuru dan il-villaġġ li jieħdok lura lejn iż-żminijiet ta’ meta twieled Ġesù Bambin.

Is-Sibt wara nofsinhar, il-Kap tal-PN Alex Borg żar din l-attrazzjoni u feraħ lill-organizzaturi għal-livell li żammew anke din is-sena.

Alex Borg kien akkumpanjat f’Għajnsielem minn diversi kunsillieri u kandidati tal-Partit Nazzjonalista. Preżenti wkoll is-Sindku Kevin Cauchi, u l-organizzatur Franco Ciangura.

Intant, din is-sena, it-tfal kienu imħeġġa sabiex jiktbu l-ittri l-islaten maġi – ittri li mbagħad se jintbgħatu lill-Papa Ljun XIV. Din kienet l-ewwel darba saret din l-inizjattiva bil-għan li jħeġġu lit-tfal jesprimu dak li qed iħossu, filwaqt jgħaddu messaġġi mill-isbaħ.