Kollox jindika li se jkun il-BOV li jagħmel tajjeb għat-telf kbir li ġabet il-Malita Investments, bil-kumpanija tikkonferma li se ġġib loan sabiex itaffi mill-falliment finanzjarju tagħha.
Propju lejliet il-Milied, il-kumpanija Malita Investments, li s-sid maġġoritarju tagħha huwa l-Gvern, ikkonfermat li se tkun qed tieħu loan – xhur wara d-daqqa finanzjarja li wasslet sabiex jieqfu l-proġetti kollha li kellha din il-kumpanija fil-qasam tal-housing.
Sorsi li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet ikkonfermaw illi Malita Investments, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru tal-Housing Roderick Galdes, se tkun qed tieħu dan il-loan mingħand il-BOV.
Madanakollu, fi stqarrija fl-24 ta’ Diċembru, Malita Investments iddikjarat illi mistenni li jitkompla x-xogħol li kellha twaqqaf f’Ħal Farruġ, Ħal Luqa, Ħal Kirkop u anke Bormla. Minkejja dan, il-kumpanija ma kkonfermatx kif sar il-ftehim u d-dettalji tiegħu. U ddeskrivietu bħala wieħed temporanju.
Rapporti qed jindikaw ukoll li sorsi mill-Ministeru għall-Finanzi, spjegaw illi l-finanzjament jista’ jkun wieħed ta’ miljuni ta’ ewro u li dan il-loan għadu mhux iffinalizzat – u dan jiddependi minn bidliet interni fl-istrutturi ta’ Malita, inkluż bidliet fl-organizzazjoni tagħha.
Malita Investments ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat f’kontroversja enormi wara li ġie żvelat illi din il-kumpanija falliet finanzjarjament tant li kellha twaqqaf numru ta’ proġetti li daħlet għalihom.
Dan kollu bir-riżultat li c-Chairperson Johann Farrugia, irriżenja. U l-eks MEP Laburista, u eks Chairman ta’ Malita Investments allegat li l-Ministru responsabbli u cioè Roderick Galdes, kien jindaħal fl-operazzjoni ta’ Malita Investments.
Intant, il-Malita qed taffaċċja azzjonijiet legali mill-kumpanija Calibre Investments, li ġiet aġġudikata tender ta’ miljuni kbar ta’ ewro; iżda dan it-tender intemm ħesrem u ngħata lill-kuntratturi Għawdxin…l-istess kuntratturi li Galdes daħal fi ftehim magħhom sabiex akkwista duplex penthouse bl-arja, u anke garaxx, f’Għawdex għall-prezz ta’ 140,000 ewro.
//= $special ?>

