Mis-serqa ta’ kilogrammi kbar ta’ droga mill-Baracks tal-AFM, il-kollass tal-binja f’Paceville, is-suppost riformi fl-Inkjesti u l-ippjanar – sal-elezzjoni li rat lil Alex Borg bħala il-Kap il-ġdida tal-Partit Nazzjonalista.
Matul din is-sena ġraw bosta avvenimenti li sawwru s-sena 2025: minn traġedji, għal skandli ġodda u saħansitra bidla fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Sena li bosta ġurnali wkoll iddiskrivewha bħala waħda mimlija stejjer li żammew lill-poplu jsegwi dak li kien għaddej.
F’din is-sena, il-Partit Laburista fil-Gvern għal darb oħra reġa’ kien fiċ-ċentru ta’ allegazzjonijiet serji, fosthom riformi li bosta għaqdiet u u anke l-Partit Nazzjonalista kkundannaw.
Fil-bidu ta’ din is-sena daħlu fis-seħħ il-liġijiet ġodda dwar il-ftuħ ta’ Inkjesti Maġisterjali li issa jirrestrinġu liċ-ċittadin milli jmur għand Maġistrat u jitlob għal investigazzjoni u ftuħ ta’ Inkjesta. Liema riforma l-Partit Nazzjonalista kien ivvota kontriha fil-Parlament u ddeskriviha bħala riforma li ser tkompli tirrestrinġi d-drittijiet taċ-ċittadini sabiex jkomplu jiġu salvagwardjati l-interessi ta’ dawk tal-qalba.
Apparti min hekk fejn jidħlu riformi u emendi fil-liġi kien hemm wkoll l-emendi fil-liġijiet tal-Ippjanar li ħolqu furur sħiħ fost il-poplu – bi protesti kbar li ħonqu t-toroq tal-Belt Valletta; għajta waħda favur l-ambjent li ser jkompli jaqla’ daqqa oħra jekk il-Labour ma jbiddilx dak li qed jipproponi.
Matul din is-sena sfortunatament rajna bosta inċidenti – tant li t-toroq Maltin ħallew 18-il vittma.
Fost dan kollu kien hemm wkoll id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea dwar il-bejgħ tal-Passaporti – li rat it-tmiem ta’ din l-iskema minħabba bejgħ lil dawk li l-Qorti ddeskrivithom bħala “bla konnesjoni” mal-Istat Malti u sussegwentament mal-Unjoni Ewropea.
Storja notevoli u xokkanti, li ġelgħet lil Ministru tal-Intern Byron Camilleri joffri r-reżenja tiegħu, kienet is-serqa kbira li seħħet mill-barracks tal-AFM. Dan hekk kif bejn il-lejl tat-22 u t-23 ta’ Frar insterqu mal-132 kilogramma reżina tal-kannabis mill-istess kwartieri tal-armata. B’inkjesta sussegwenti tappella għal riformi u tisħiħ fl-Armata Maltija u l-premesis tagħha.
Wara dan kollu, Abela m’aċċettax ir-reżenja tiegħu.
Matul din is-sena kien hemm wkoll stejjer u allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni mill-ġdid, mill-qalba tal-Labour. Mill-każ ta’ Roderick Galdes li għadu jrid iwieġeb dwar allegazzjoniijet serji ta’ ġid mhux spjegat sal-każ 17-Black, li din is-sena ħalla lil Konrad Mizzi u Keith Schembri fost l-oħrajn b’akkużi kriminali ġodda
Intant kien hemm wkoll id-deċiżjoni tat-tribunal Internazzjonali dwar il-Każ ta’ Vitals u Steward – liema deċiżjoni kkonfermat l-frodi mwettqa fuq il-poplu Malti, tant li t-Tribunal iddeskriva lill-poplu bħala vittma fl-istess sentenza – liema deċiżjoni il-Partit Laburista fil-Gvern prova jqarraq billi saħaq li b’xi mod rebaħ pajjiżna; anke jekk ħareġ miċ-ċar, anke mill-kawżi kostituzzjonali, li l-poplu Malti u Għawdxi ħallas il-miljuni kbar ta’ ewro biex baqa’ mingħajr l-investiment imwiegħed.
Intant fost l-aktar avvenimenti li ġibdu attenzjoni kien hemm bla dubju l-elezzjoni għall-Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista – liema elezzjoni ġabet wkoll magħha entużjażmu ġdid fost il-partitarji tal-PN u anke l-Maltin li jixtiequ alternattiva għal dan il-Gvern. B’Alex Borg jibda jimplimenta dak kollu li wiegħed. Tant li rajta wkoll it-twaqqif ta’ bosta karigi ġodda, enerġija ġdida u anke il-preżentazzjoni tal-kontijiet awditajati tal-PN. Dan apparti li t-tesserati żdiedu bi 3,000 persuna – inkluż ħafna żgħażagħ.
//= $special ?>
