Futbol Sport

Milan jibqgħu f’ras il-klassifika… Napoli jżommu l-pass b’rebħa fuq Cremonese

Fis-Serie A Milan żammew posthom fil-quċċata tal-klassifika b’rebħa ta’ 3-0 fuq Hellas Verona. Milan fetħu l-iskor fi tmiem l-ewwel taqsima meta minn corner mil-lemin kien Christian Pulisic li approfitta fuq ballun fil-kaxxa u xeħet mill-viċin għal 1-0. Fit-48 minuta Milan irduppjaw meta din id-darba mill-ħdax-il metru kien Christopher Nkunku li xeħet fix-xibka għal 2-0. Fit-52 minuta Milan għamluhom 3-0 meta x-xutt ta’ Luka Modric ħabat mal-lasta, approfitta Nkunku li mill-viċin xeħet fix-xibka.

Napoli żammew il-pass ma’ Milan meta barra minn darhom għand Cremonese huma għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0. Kien Rasmus Hojlund li poġġa’ lil Napoli fil-vantaġġ fit-13-il minuta qabel reġa’ kien l-attakkant Daniż li fi tmiem l-ewwel taqsima għamilhom 2-0 fuq pass ta’ Scott McTominay.

Riżultati: Milan v H.Verona 3-0, Cremonese v Napoli 0-2