“Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ġab it-tama fil-partit fi żmien qasir. Iżda bla dubju li matul is-sena li ġejja se jkollu aktar sfidi x’jaffaċċja.”
Dan ħareġ minn analiżi li saret mill-ġurnal ‘Times of Malta’ – analiżi li tkellmet dwar it-tmexxija ta’ Alex Borg u kif hu ġab arja friska minn mindu ġie elett Kap tal-PN.
Bosta persuni li tkellmu ma’ dan il-ġurnal spjegaw li qed jinħass entużjażmu kbir; li kien ilu nieqes għal snin sħaħ.
Oħrajn spjegaw kif anke fi żmien il-festi n-nies baqgħu jfittxu lill-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt, f’dan il-perijodu Alex Borg kompla għaddej bi żjarat għand diversi negozji – apparti li kompla jżomm kuntatt kontinwu man-nies, inkluż f’Għawdex.
L-analiżi titkellem ukoll dwar il-fatt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg huwa mdawwar b’tim ferm b’saħħtu u mhux l-ewwel darba li ħadem id f’id magħhom bil-għan li jiksbu l-aqwa riżultati f’isem il-poplu Malti u Għawdxi kollu.
It-Times stqarret li t-tim ta’ Alex Borg huwa wieħed kapaċi, u li Kap Nazzjonalista ilu ma jkun imdawwar b’tim ta’ dan il-livell.
B’rabta mas-surveys, l-analiżi ta’ dan il-ġurnal tindika kif matul dawn l-aħħar xhur id-distakk bejn iż-żewġ partiti beda jonqos sew – bil-popolarità ta’ Alex Borg kompliet tikber.
It-Times tgħid illi minkejja s-suċċess li kellu s’issa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg xorta waħda għandu numru ta’ ostakli x’jaffaċċja matul is-sena li ġejja speċjalment jekk pajjiżna jsib ruħu f’elezzjoni ġenerali. Iżda bl-għaqda li hemm preżentament fi ħdan il-Partit Nazzjonalista – skont it-Times – kull ostaklu huwa possibbli li jingħeleb.
//= $special ?>
