Għalkemm is-sena l-ġdida għadha lanqas biss bdiet, ħafna Maltin diġa’ qed jaħsbu għas-safra li jmiss – u l-postijiet li se jpoġġu fil-bucket list tagħhom għall-2026. Minn weekends f’xi belt Ewropea, għall-vaganzi tas-sajf mal-ħbieb jew mat-tfal. Min ifittex il-muntanji, min ifittex destinazzjonijiet għax-xiri, u oħrajn postijiet fejn il-baħar.
Fl-aħħar jiem, il-ġurnal awtorevoli Ingliż The Telegraph ippubblika lista tal-aktar postijiet li joffru diżappunt għat-turisti. Dan għaliex ikun hemm stennija kbira mill-viżitaturi – biex imbgħad jirriżulta li l-hype kollu jisfuma fix-xejn. Fi kliem sempliċi, lanqas ħaqq l-antiċipazzjoni li jkun hemm biex tara dawn il-postijiet partikolari.
F’din il-lista ta’ postijiet li wieħed għandu jevita waqt safra hemm il-famuża gallarija ta’ Ġuljetta fil-belt ta’ Verona, il-Blue Lagoon tal-Iżlanda u anke l-Manneken Pis ta’ Brussell – li hu mfittex anke minn ħafna Maltin.
Iżda l-lista tal-postijiet deludenti ma tieqaf hemm: mat-top 10 hemm ukoll il-mermaid ta’ Kopenhagen u l-vjaġġi bil-gondola mal-kanali ta’ Veneżja.
The Telegraph inkludew f’din il-lista anke l-pittura ikonika tal-Mona Lisa, li għal ħafna turisti – malli jaslu quddiema – toffri diżappunt.
//= $special ?>

