Knisja Lokali

“Il-Ġublew tal-Fidwa se jkun ġublew speċjali”

Għeluq il-Ġublew 2025 bit-tema ‘Pellegrini tat-Tama’ li sar ilbieraħ filgħaxija b’ċelebrazzjoni mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina. Fil-quddiesa ħadu sehem in-Nunzju Appostoliku Savio Hon Fai-Tai, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, saċerdoti, reliġjużi u lajċi.

L-Arċisqof spjega kif għalina San Ġużepp huwa mudell ta’ fiduċja, umiltà u azzjoni konkreta fil-pjan ta’ Alla. Biex “isalva lil ibnu u lill-omm mill-għawġ, il-periklu u t-theddid tal-bnedmin, Alla m’għamilx affarijiet straordinarji” anzi għażel bniedem sempliċi u ġust li “xammar il-kmiem u għamel li kien hemm bżonn”. U l-Mulej bl-istess mod se jinqeda bina. Fakkar li aħna diffiċli jkollna ħajja ward u żgħar meta l-Familja Mqaddsa nnifisha “kellha l-mumenti ta’ kriżi, diffikultà, faqar u persekuzzjoni”. Imma nistgħu nitgħallmu minnha u kif fdaw fil-Missier.

Matul l-omelija ssemmiet ir-riflessjoni spiritwali li Fra Lawrenz tar-Reżurezzjoni kien għamel meta ra siġra fix-xitwa li dehret mejta imma ftit xhur wara kienet se terġa’ timtela bil-weraq u l-frott u fehem li qatt m’għandek titlef it-tama anke f’sitwazzjonijiet diffiċli. Dan il-messaġġ jorbot mal-għeluq ta’ dan il-Ġublew fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, li t-tama ma tintemmx mal-ġublew anzi “għandna jkollna t-tama ta’ min jaf li kollox f’idejn Alla”.

L-Arċisqof żied jgħid li “llum mhux biss nirringrazzjaw lil Alla ta’ dak kollu li għamel magħna, f’din is-sena speċjali imma nagħtu appuntament lil xulxin għall-ġublew kbir ieħor. Fl-2033 niċċelebraw l-elfejn sena mill-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù; l-elfejn sena mis-salvazzjoni tagħna, miksuba fil-misteru tas-salib u l-qawmien tal-Mulej. U għalhekk nippreparaw minn issa, aħna u nagħlqu dan il-ġublew ordinarju fis-sena 2025, inħarsu lejn is-sena 2033, li f’dan il-ġublew li jmiss, il-Ġublew tal-Fidwa, huwa propju ġublew speċjali. Bħalma ċċelebrajna b’ferħ kbir is-sena 2000, mill-elfejn sena tat-twelid tal-Mulej, hekk ukoll nippreparaw biex inħejju ruħna u niċċelebraw b’ferħ kbir l-elfejn sena mill-fidwa tagħna”.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo

L-omelija ntemmet b’talba biex fil-familji jirrenjaw “l-għotja u l-ispirtu ta’ mħabba” u biex min għaddej minn mumenti ibsin ma jaqtax qalbu “minnu nnifsu u mill-għajnuna t’Alla” u jiftakar li “hemm ġublew li ma jieqaf qatt: il-ħniena t’Alla li hija għal kull żmien”.

Għal din il-quddiesa attendew il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u l-Prim Imħallef Mark Chetcuti. Fi tmiemha l-isqfijiet iltaqgħu mal-ħames soċji ġodda li ġew inkorporati mas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija fil-ġurnata ta’ qabel.