Lokali

Ix-xufiera tat-taxis joħorġu lit-tfal residenti f’bosta djar

Ritratt: Martin Agius

Matul il-ġurnata spikka s-sentiment ta’ ferħ u tbissim fuq fomm madwar 60 tifel u tifla minn diversi Djar tat-Tfal, li matul il-jum tat-Tnejn – propju f’dan iż-żmien ta’ festi – rikbu f’taxi u qattgħu il-ġurnata jduru postijiet differenti.

Il-ġurnata għal dawn it-tfal, bdiet b’quddies f’Pembroke u breakfast mill-park and ride tal-istess lokalita.

Aktar tard madwar 40 xufier ħadu lil dawn it-tfal fil-Mediterraneo Marine Park, f’Baħar iċ-Ċagħaq fejn raw diversi xows u annimali fosthom id-dniefel, l-għasafar u r-rettili.

Waranofsinhar sar ukoll party f’Montekristo fejn f’atmosfera mill-aktar divertenti, t-tfal ipparteċipaw f’attivitajiet bħal face painting, bouncing castle, u logħob varju.

Net News tkellem ma’ wieħed mill-organizzaturi ta’ dan l-avveniment annwali li ilu jsir għal dawn l-aħħar 29 sena. Hu tkellem dwar l-għan aħħari ta’ din l-inizjattiva u xi tfisser għax-xufiera – li ta’ kull sena ikunu qed jistennew li joħorġu lil dawn it-tfal fi żmien il-Milied. Xi ħaġa li ġġibielhom ħafna sodisfazzjon.

Tkellimna wkoll, ma’ waħda mis-sorijiet ta’ wieħed mill-istituti, Suor Firdaus Bashir li spjegatilna li ta’ kull sena, it-tfal ikunu qed jistennew dan il-jum sabiex jiltaqgħu u jilgħabu flimkien.

Huwa sabiħ li s-sena 2025, għal dawn it-tfal qed tintemm fuq nota daqstant pożittiva … U aktar minn hekk huwa sabiħ aktar li f’dawn iż-żmien ta’ festi, ikun hawn għaqdiet u persuni li b’ġesti żgħar joħolqu kuntentizza u għożża għal dawk li l-aktar ikollhom bżonnha.