Il-winger offensiv ta’ Fgura United, Nick Jr. Andrews rebaħ tliet unuri prestiġjużi f’attivitá organizzata fit-tmiem tal-istaġun 2024/25 mill-Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Liberja (LFA). L-eks plejer ta’ Heaven Eleven, li kapaċi jilgħab fir-rwol ta’ attakkant, rebaħ l-ogħla unur mogħti f’dawn il-premjazzjonijiet, dak tal-aqwa plejer tas-sena tal-Ewwel Diviżjoni tal-LFA.
Andrews, li għandu 27 sena, issieħeb ma’ Fgura United fis-sajf li għadda, wara li kellu staġun mill-aqwa fil-Liberja ma’ Heaven Eleven. Dawn tal-aħħar kienu temmew it-tieni fil-klassifika finali. Il-plejer internazzjonali tal-Liberja, li sal-lum lagħab erba’ darbiet mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu u skorja darbtejn, rebaħ ukoll żewġ unuri oħra waqt din l-attività li ppremjat l-aħjar fil-Kampjonat tal-Liberja fit-tmiem tal-istaġun 2024/25. Andrews temm fl-ewwel post fil-klassifika tal-aqwa skorers tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-LFA u kien magħżul ukoll mal-aqwa ħdax tal-Kampjonat Liberjan tal-Ewwel Diviżjoni tal-istaġun li għadda.
Andrews kellu bidu tajjeb ta’ staġun 2025/26 ma’ Fgura United fiċ-Challenge League, fejn wieħed faċilment setgħa jinnota l-abiltajiet u l-kwalitajiet ta’ Andrews bħala attakkant, fl-ewwel sena tiegħu f’pajjiżna. Madankollu Andrews kien sfortunat li wara li lagħab l-ewwel ħames partiti taċ-Challenge League ma’ Fgura United, hu weġġa’ fil-bidu ta’ Novembru li għadda, u sal-lum għadu qed jirkupra minn injury li qed tieħu fit-tul.
Andrews weġġa’ wara 34 minuta fil-partita kontra St Andrews, f’match day 5 taċ-Challenge League, bl-injury li sofra dak in-nhar kienet tant gravi li l-internazzjonali tal-Liberja tilef il-kumplament ta’ dan l-istaġun.
//= $special ?>

