Hemm diversi mumenti meta wieħed għandu jgħid le. L-iktar meta l-kwistjoni tkun dik ta’ prinċipju etiku … fundamentali. Hemm f’dawn il-punti dak li jibdel lill-bniedem u jidentifikah fl-irġulija tiegħu
Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali
- Mhux faċli li fis-soċjetà tagħna, dik preċedenti jew futura, li jkun hemm bnedmin simili. Ix-xewqa tas-soċjetà tkun dejjem li f’kull żmien ikollha aktar persuni bħal dawn u iktar minn dawk li b’xi mod jirrappreżentawhom.
Hemm kwistjoni ta’ formazzjoni u ta’ kultura politika. Dik li titwieled mis-sens li hemm valuri umani uniċi li ma jistgħux jiġu miksura inkella tkun qiegħed trendi lill-bniedem oġġett materjali. Pajjiżna hemm min qiegħed jifhem dan kollu imma x’futur hemm ħadd ma jaf.
Parti mis-soċjetà
- F’dan tul din il-ġimgħa parti mll-pajjiż waqaf jipprova jifhem x’ġara fil-Parlament Ewropew fil-vot dwar l-abort. Diversi raw f’dan xi forma ta’ dispożizzjoni legali li ġiegħel lil pajjiżna jdaħħal fis-sistema tiegħu l-abort.
Dan mhux il-każ. Però hi xorta waħda li trid tiġi diskussa imma hi riżoluzzjoni mhix liġi. Ma hemmx impożizzjoni u mhix se tkun faċli li biex tipprova ġġibha fis-seħħ anki fil-pajjiżi li fihom hemm diġà l-abort permess.
Hemm rakkomandazzjoni u ċaqliq f’direzzjoni ta’ opinjoni li aħna ma naqblux magħha. Waħda li trid tiġi konfrontata fil-libertà li soċjetà demokratika tagħtina. F’dan għandna nagħrfu l-pożizzjoni u f’dan nimxu.
Mhux propizju
- Ċertament mhux proprju fl-aħjar mument li fih ġiet għalina, aħna li aħna Insara. Iktar f’dan waqt li niċċelebraw il-ħajja.
L-ewwel tal-konċepiment u t-twelid ta’ San Ġwanni Battista u t-tieni dak li għadna kif iċċelebrajna ta’ Sidna Ġesù Kristu. Ħadd ma jista’ jmeri l-fatti li dawn il-bnedmin twieldu u għexu fuq din l-art.
L-istorja tgħallem kontinwament dak li ħaddieħor jista’ jiċħad. Hemm però f’dan insensittività wieħed jista’ jiddikjara jew jargumenta, imma fuq l-oħra hemm l-għarfien li ninsabu f’minoranza f’dan is-suġġett.
Mhux il-punt li ġie argumentat li m’aħniex fil-linja jew xi pass lura. Għandna pożizzjoni differenti mill-oħrajn u f’dan ma għandniex l-ewwel nibqgħu lura milli jkollna dan it-tieni aktar dwar kwistjoni ta’ dinjità umana.
Deċizjonijiet serji
- Xorta dak li sar fil-Parlament Ewropew fih il-piż tiegħu imma f’dan wieħed irid ifakkar li għad hemm it-triq tad-diskussjoni u tal-persważjoni.
Dawk li huma Insara u dawk il-bnedmin l-oħra li huma favur l-abort jridu jifhmu li hemm quddiemhom ħidma biex l-ewwel tiġi affermata fir-raġuni l-opinjoni u t-tieni li tiġi miktuba u mxerrda fil-mezzi tax-xandir varju.
Jekk wieħed irid jibdel irid ixammar. Jekk wieħed jrid li jibda l-proċess li fih wieħed iżomm lura l-linja li qed tinbena li t-terminazzjoni tal-ħajja hija “normali” u parti minn “dritt” irid jieħu sehem.
Hemm żewg livell. It-tnejn attivi u parteċipattivi. L-ewwel l-użu tal-argumenti t-tieni dak fil-kamp politiku. It-tnejn jitolbu pożizzjoni f’dak li dejjem jekk irridu bidla fit-triq it-twila.
Ma jaqgħux mis-siġar
- Il-kwistjoni tal-abort hi f’din il-linja ta’ prinċipju li trid bnedmin iffurmati biex jifhmu għala aħna kontra u preparati ma nitkarkrux mill-kurrent meta jiġi l-mument tal-prova.
Hemm piż fl-użu tal-vot u fl-għażla tar-rappreżentanti politiċi tagħna. Jista’ jkun li fl-elezzjoni ġenerali ħadd mhu se jqajjem il-punt għax mhux wieħed ‘konsidrat’ ta’ kampanja elettorali.
Imma fil-fatt il-valuri, l-ideat u l-formazzjoni huma essenzjali. Wieħed irid jifhem dejjem iktar li l-kurrent ta’ l-hekk imsejjaħ ‘liberaliżmu’ hu bħalissa lura b’saħħtu. Faċli li anki dawk li jitressqulna jċedu fuq xi idea ta’ triq ta’ progress jew f’dak li “kulħadd” qiegħed jagħmel. Dak li aħna u dak li rridu li nkunu titolbu għarfien u pożizzjoni ċara. Bnedmin f’dan li ċertament ma jaqgħux mis-siġar.
Vuċijiet
- Meta tikkonsidra l-irwiefen politiċi li hemm fil-preżent u dak li seħħ f’pajjiżi Ewropej oħra għandna napprezzaw li kien hemm mitejn deputat li vvutaw kontra u tmenin astjenew.
Dan aktar quddiem ir-realà politika attwali fejn mhux proprju popolari ħafna li tkun kontra l-abort. Ħadd li jaf sew il-politika Ewropea f’dak il-Parlament ma seta’ jistenna vot differenti minn dak li seħħ.
Anzi meta tara l-maġġoranzi fil-pajjiżi varji wieħed seta’ jara li kien se jkun hemm vot iktar qawwi favur. Dan aktar u aktar meta din hi “sempliċi” rakkomandazzjoni u mhux iktar.
F’dan propru għalhekk wieħed jagħraf politikament li ma kienx hemm min ħass li se jkun hemm vot l-istess kieku l-proposta ma kinetx rakkomandazzjoni. Punti ta’ realtà politika li jitolbu aktar riflessjoni fil-ħajja tal-bnedmin. Il-politika ssir mill-bnedmin u l-liġijiet daqshekk ieħor.
Fil-futur
- Il-futur ħadd ma rah ċertament imma f’dan hemm iktar punti li minnhom għandna nitilqgħu.
Dawk li l-ewwel ma jaqtgħux qalbna u t-tieni li jistgħu jqawwuha. Li aħna differenti ma fiha xejn ħażin anzi parti mis-sabiħ tagħna u tal-Unjoni Ewropea.
Filwaqt li nħarsu lejn dak li seħħ tul din is-sena għandna nkunu preparati għal dak li ġej fit-tnax-il xahar tal-2026. Ħafna jiddependi fuqna u fuq dak li preparati nġorru.
F’dan għandna nimxu ’l quddiem b’fiduċja. Nagħrfu l-prinċipji tagħna u ċertament li ngħidu “le” għal min irid jimponi dawk il-kuntrarji.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 28 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

