L-attakkant Bożnijak ta’ Ħamrun Spartans, Semir Smajlagić, mhux se jkompli l-esperjenza tiegħu maċ-champions Maltin fit-tieni nofs ta’ dan l-istaġun. Il-klabb ikkonferma dan permezz ta’ stqarrija fuq il-midja soċjali tiegħu, fejn ħabbar li ż-żewġ naħat laħqu ftehim biex jtemmu l-kuntratt li kien hemm bejniethom.
Smajlagić, eks internazzjonali tal-Bożnija u l-Ħerzegovina fil-livell ta’ taħt id-19-il sena, ingħaqad ma’ Ħamrun Spartans fis-sajf li għadda mingħand il-klabb Asjatiku ta’ Chungnam Asan.
L-attakkant ta’ 27 sena, li għandu esperjenza vasta fl-ogħla diviżjoni tas-Slovenja, lagħab total ta’ 17-il partita ma’ Ħamrun Spartans f’tliet kompetizzjonijiet differenti: il-Malta Premier, il-Jubilee Cup u l-UEFA Conference League.
Matul dan il-perjodu, Smajlagić skorja tliet darbiet; żewġ gowls fil-Malta Premier fir-rebħiet kontra Hibernians u Birkirkara rispettivament, u gowl ieħor fil-fażi tal-kampjonat tal-UEFA Conference League, fir-rebħa storika ta’ Ħamrun Spartans kontra Lincoln FC bl-iskor ta’ 3-1.
Il-futur ta’ Smajlagić għadu mhux magħruf, iżda fl-istqarrija tagħhom, Ħamrun Spartans esprimew l-apprezzament tagħhom lejn il-plejer: “Il-klabb jixtieq jirringrazzja sinċerament lil Semir għall-professjonalità, l-impenn u l-kontribut siewi tiegħu matul il-perjodu tiegħu ma’ Ħamrun Spartans, u jawguralu kull suċċess fil-kapitlu li jmiss tal-karriera tiegħu.”
//= $special ?>

