Il-pjan għall-paċi, ‘il quddiem, għandu jippermetti għat-twaqqif ta’ Gvern Palestinjan teknokratiku f’Gaza li jkun appoġġjat minn qawwa tas-sigurtà internazzjonali.
Fl-istess ħin, il-Gvern tal-President Amerikan, Donald Trump, qed jesiġi wkoll għad-diżarm finali tal-grupp terroristiku Ħamas wara l-aħħar gwerra mal-qawwiet ta’ Iżrael …Dan meta l-Iżraeljani, skont il-pjan, ikunu kostretti li jirtiraw minn Gaza fejn jistgħu jibdew il-proġetti għar-rikostruzzjoni tal-art meqruda minn xhur konsekuttivi ta’ konflitt qalil.
Sadanittant, l-osservaturi qalu li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, ftit qed juri ħerqa biex jimpenja ruħu sew fl-isforzi għat-tisħiħ ta’ futur politiku għall-Palestinjani ta’ Gaza.
Fil-fatt, Netanyahu, li fl-aħħar sigħat kellu laqgħat mal-President Amerikan, Donald Trump, fi Florida, għadu jinsisti għad-diżarm assolut tal-Ħamas qabel it-truppi tiegħu joħorġu kompletament minn Gaza.
Donald Trump, issa, qed jgħid li jrid li l-fażi ġdida tal-pjan għall-paċi f’Gaza tibda mill-aktar fis filwaqt li wissa lill-Ħamas li se jkollhom iħallsu prezz qares jekk ma jissottomettux għall-proċess ta’ diżarm. Trump qal ukoll li Iżrael qed iżomm mija-fil-mija mal-obbligi tiegħu kontra l-pjan u minkejja li l-militar Iżraeljan qed ikompli bl-attakki fl-artijiet ta’ Gaza.
F’kumment ieħor sinifikanti, il-President Amerikan tenna li l-Istati Uniti kapaċi anki tappoġġja attakk ieħor fuq l-Iran – alleat tal-Ħamas – f’sitwazzjoni fejn l-Istat Iżlamiku fundamentalista jerġa’ jibda jiżviluppa l-programmi tiegħu għall-produzzjoni tal-armamenti ballistiċi u nukleari.
Min-naħa tagħhom, il-kapijiet tal-Ħamas iridu li d-diżarm tal-grupp isir biss ladarba jkun hemm progress ċar lejn it-twaqqif ta’ Stat Palestinjan indipendenti.
L-aħħar taħditiet bejn Trump u Netanyahu, intant, mistennija jħallu impatt sinifikanti għall-iżviluppi li jridu jiddeterminaw il-futur tal-Lvant Nofsani.
L-Istati Uinti ilha s-snin bħala l-akbar sostenitur militari ta’ Iżrael u t-taħditiet ta’ dawn il-Mexxejja fi Florida kienu wkoll riflessjoni ta kemm l-Amerikani u l-Iżraeljani qed jaqblu fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu għall-istabbilità fir-reġjun tal-Lvant Nofsani.
Fil-fatt, il-laqgħa fi Florida kienet is-sitt waħda bejn Trump u Netanyahu mindu Trump irritorna bħala President tal-Istati Uniti, 11-il xahar ilu.
Intant, id-diskussjonijiet inkwistjoni konċentraw ukoll fuq il-futur tar-relazzjonijiet tal-Istati Uniti u Iżrael mal-Gvern ġdid fis-Sirja. Suġġett ieħor trattat fit-tul kien jinvolvi r-rwol tal-milizji Xiti tal-Ħeżbollah – alleati oħra tal-Iran – fil-Libanu.
//= $special ?>

