Hekk kif wasalna fl-aħħar jiem tas-sena 2025, il-preparamenti għall-ikbar ċelebrazzjoni nazzjonali tal-lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta daħlu fl-aħħar fażi tagħhom.
L-attività prinċipali se ssir fi Pjazza San Ġorġ, fejn kollox mistenni jibsa għall-ħabta tat-8:30pm u jibqa’ għaddej sas-2:00 ta’ filgħodu, bis-servizzi speċjali tal-Malta Public Transport li se joffru 16-il rota speċjali.
Is-serata se tkun ippreżentata minn Jamie Cardona, Taryn Mamo Cefai u Ron Briffa, li se jmexxu l-programm u joħolqu l-ispirtu ta’ ferħ u ċelebrazzjoni matul il-lejl.
F’kummenti lil Net News, il-maestro Ryan Paul Abela spjega li l-orkestra se tippreżenta repertorju aktar vast u differenti, b’arranġamenti ġodda.
L-ispettaklu se jiftaħ b’wirja enerġetika minn Glen Vella u l-band tiegħu, li se joħolqu atmosfera vibranti għall-bidu taċ-ċelebrazzjonijiet. Magħhom ser jingħaqdu ukoll il-Palace String Orchestra taħt id-direzzjoni tal-maestro Ryan Paul Abela, flimkien ma’ line-up ta’ artisti lokali fosthom Aidan, Drakard, Denise, Gaia, Karin Duff, Keith Zammit Mintoff, Klinsmann u Miriana Conte.
Il-mistieden speċjali ta’ din is-sena se jkun John Newman, magħruf għall-hit internazzjonali “Love Me Again”.
Hekk kif joqrob il-countdown, id-DJs Denzel Jo Armani u Wyne se jkomplu jqajmu l-atmosfera bl-aqwa siltiet tas-sena 2025.
Bħal kull sena, il-qofol ser jitlaħaq bil-logħob tan-nar mill-Port il-Kbir b’25 minuta ta’ spettaklu.
//= $special ?>

