Futbol Sport

L-eks internazzjonali Kroat, Ante Ćorić m’għadux plejer ta’ Ħamrun Spartans

Ante Ćorić (ritratt ta' Joseph Galea)
Ante Ćorić (ritratt ta' Joseph Galea)

Ħamrun Spartans qed ikomplu bil-bidliet fil-plejers barranin tagħhom matul it-tieqa tat-trasferimenti ta’ Jannar. Wara li lbieraħ ħabbru t-tluq tal-attakkant Bożnijak ta’ 27 sena, Semir Smajlagić, iċ-champions Maltin ikkonfermaw ukoll li wasal fi tmiemu l-kuntratt tal-midfielder Kroat, Ante Ćorić.

L-eks plejer internazzjonali Kroat, li għandu 28 sena u li fil-passat lagħab ma’ Roma fost l-oħrajn, inħall mill-kuntratt tiegħu wara ftehim reċiproku mal-klabb. Ćorić kien wieħed mill-plejers regolari fl-iskwadra ta’ Giacomo Modica sa mill-bidu ta’ dan l-istaġun.

Matul iż-żmien tiegħu ma’ Ħamrun Spartans, Ćorić lagħab 22 partita, inklużi għaxra fil-Malta Premier. Huwa kellu sehem importanti fil-kampanja Ewropea tal-klabb, fejn lagħab kemm fil-partiti ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League u l-UEFA Conference League, kif ukoll fis-sitt logħbiet tal-fażi tal-Kampjonat tal-UEFA Conference League.

Il-midfielder skorja żewġ gowls bil-flokk Ħamruniż; wieħed fil-Jubilee Cup kontra Senglea Athletic (4-0) u ieħor fir-rebħa storika ta’ 3-1 kontra Lincoln FC ta’ Ġibiltà.

Fi stqarrija fuq il-midja soċjali, Ħamrun Spartans irringrazzjaw lil Ćorić “għall-professjonaliżmu, l-impenn u l-kontribut siewi tiegħu matul iż-żmien tiegħu mal-klabb,” u awgurawlu kull suċċess fil-kapitlu li jmiss tal-karriera tiegħu.