Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali
Wasalna fl-aħħar ta’ din s-sena…. waħda mimlija bl-impenji varji u politiċi li fihom rajt tibdiliet oħra. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar nifhem li kulma huwa mistenni minni huwa li nwettaq dmiri. Xejn iktar u xejn anqas proprju għaliex dak biss jiddependi minni. F’dan l-artiklu nagħlaq sena oħra li matulha żammejt dan l-appuntament magħkom. Dak li kull nhar ta’ Tlieta, ikun xi jkun, nerġa’ kemm jista’ ikun, nikteb u ngħaddi l-ħsibijiet bil-miktub. Ċertament għalhekk kelli l-pjaċir li b’dan ikun hemm it-52 artiklu. Nammetti li mhuwiex faċli li żżomm il-pass u tipprova ssib l-argumenti u s-suġġetti għalihom. Terġa’ dan, flimkien ma’ dak li jidher fil-Mument kull nhar ta’ Ħadd…. mija u erba’ artikli (bejn wieħed u ieħor) matul is-sena.
Il-qari
Ħafna bħali jistaqsu lilhom infushom għalfejn, fil-fatt, jiktbu. Diversi huma t-tweġibiet tagħhom. Uħud jaħsbu li nressqu kitbitna biex sempliċiment jidher wiċċna fuq il-gazzetta ladarba ma jidhirx fuq l-medja l-oħra. Imma fil-fatt, nammetti li nikteb, l-ewwel, għaliex narah proċess demokratiku neċessarju għalija u għal dawk li jaqrawni; it-tieni għaliex fil-fatt nieħu pjaċir naqsam l-ideat u nisma’ dak li tgħiduli dwarhom; it-tielet għaliex nittama li nħajjar oħrajn li jaqraw u jifhmu aktar dak li għaddej fid-dinja politika; ir-raba’ sabiex inkompli naqra biex inkun aktar ċert li mhux qed nirrepeti l-istess argumenti imma nesebixxi u nmiss mal-ġdid. Punt ieħor – il-ħames wieħed – hu li d-diversi artikli li nikteb kollha jtuni sens ta’ sodisfazzjon u dan, għalija, huwa biżżejjed; jiġri x’jiġri dejjem jekk jiġri wara.
Naqra biex nikteb u nikteb biex naqra
F’dan, aktar, biex inżomm ma’ dan il-pass infittex dejjem aktar ħin biex naqra. Il-qari biddilni, iffurmani u sawwarni f’dak li ninsab fih illum. Ngħid fil-preżent għaliex nemmen dejjem li aħna, jekk irridu, inkunu strumenti politici veri li nirrikonoxxu li qegħdin fi proċess ta’ bidla kontinwa… politika li tmexxik ’il quddiem biex tifhem aktar il-prinċipji tiegħek, flimkien mal-kontenut u l-valur tal-proposti li int issostni. Proprju fil-qari hemm dik il-minjiera kompluta li fiha tmiss ma’ dak li għaddew minnu oħrajn u tifhem, l-ewwel, li mhux int qed tivvinta r-rota u, it-tieni, kemm ma tafx u kemm, fil-fatt, għandek bżonn tkun taf. Dan aktar u aktar jekk trid twettaq dmirek bl-aħjar mod u b’lealtà lejn l-eletturi. Infittex f’dan kull mument biex naqra u nassorbi ideat fuq suġġetti varji — u ċertament mhux biss politiċi — biex inservi kif huwa mistenni minni.
Bnedmin varji
F’dan il-proċess iltqajt ma’ diversi bnedmin li b’xi mod tkellimt magħhom u daqshekk ieħor influwenzawni. Fittixt, f’dan, li nesprimi dak li jridu l-persuni fuq din il-gżira… Vuċi li timxi f’daqqa mhux ma’ parti imma mal-maġġor parti tagħhom. Kif f’dan twassal il-pożizzjoni politika tiegħek b’mod li tinqara u tiġi assimilata anki jekk mhux neċessarjament aċċettata. L-abbiltà tkun li tikkonvinċi u tippersawdi u dan huwa aktar impenjattiv milli sempliċement espożittiv. Naħseb li dawn il-gżejjer għandhom bżonn aktar dan il-metodu sod ta’ kif isiru l-affarijiet. Ninnota li ma hemmx il-konvinzjoni li l-qari huwa neċessarju fis-soċjetà jew għall-ġid tal-persuna. Ħafna, sfortunatament, mhumiex preparati biex iqattgħu ħin jaqraw — anzi jimmaġinaw li bit-tekonoloġija attwali huma eżenti milli jwettqu dan.
Xi żball
Min irid ikun politiku u persuna pubblika tajba u ta’ ġid għall-oħrajn irid jaqra — u ħafna. Irid jifhem li anki jekk mhux neċessarjament għalih, huwa għall-oħrajn. Ikun kapaċi jagħti gwida u almenu ma jkollux minn xiex jistħi tant salv ir-rimorsi personali li, forsi, seta’ għamel aktar. M’għandix dubju li l-problema jew l-isfida politika tal-lum hija proprju din. Il-ġenerazzjonijiet passati kienu lkoll f’ħafna ripożitorji ta’ kulturi varji.
Giovanni da San Gimignano (1260-1333)
F’dan ispirajt aktar li nikteb wara li ġie f’idejja ktejjeb li sibt taħt id-direzzjoni tal-istoriku Massimo Oldoni li huwa magħruf sew f’kitbietu. Madankollu, dan il-ktejjeb bl-isem sħiħ Giovanni da San Gimignano Un Enciclopedico dell’Anima (1993) ftit issibu. Fih imiss ma’ dan il-bniedem u jirriproduċi żewġ kitbiet — l-ewwel siltiet minn “Il Liber de Exemplis et similtudinis rerum” u t-tieni “La Legenda Sante Fine.” Żewġ biċċiet li juru kemm, fil-fatt, il-medjuevu ma kienx lura imma parti minn proċess ta’ ħsieb u ideat. L-ewwel wieħed huwa mill-aktar interessanti. Taqbil bejn il-bniedem u l-annimali. Jislet ħsibijiet u paraguni qawwija u li huma xhieda ta’ osservazzjoni umana partikolari. It-tieni jmiss ma qaddisa ftit magħrufa imma kitbietu jista’ jkun użat f’paragun mad-diversi nisa martri li niċċelebraw.
It-tirann
Dan il-bniedem ma invokax id-demokrazija għaliex ma kenitx daqshekk ikkunsidrata — però l-awtur juri sentimenti mill-aktar sbieħ. Huwa fit-test tradott fit-Taljan mill-oriġinal Latin — dik il-lingwa li hija ċavetta ta’ tant għerf – u fejn hu jikteb hekk: “Cosi il tiranno che comanda e’ simile al camaleonte, del quale Aristotele dijce che ha il viso da bestia a meta’ tra il porco e la scimmia, e che cambia colore quando soffia sulla pelle.” (Għalhekk, it-tirann li jikkmanda jsir qisu kamaleonte li, kif Polidano jgħidilna Aristotli, għandu l-wiċċ ta’ bestja nofsu-ħanżir u l-ieħor ta xadina, li jibdel kuluru meta jonfoħ fuq ġildu.) U jkompli “Allo stesso modo i tiranni assomigliano al porco, per la sozzura della propria esistenza, mentre la somiglianza con la scimmia e’ data dalla simulazione della giustizia.” (Bl-istess mod it-tiranni jixbħu lill-ħanżir, proprju fil-ħmieġ ta’ ħajjithom, mentri x-xebħ max-xandini turi li l-ġustizzja qed tiġi imitata).
Juri wiċċu
Il-ktieb għandu aktar fih b’taqbiliet aktar qawwija imma jerġa’ aktar diretti. Bħal meta jikteb hekk: “Cosi il tiranno, al principio del suo regno, finge di essere giusto e ponderato nell’azione , e qui inizia con volto umano, ma nella coda, cioe’ alla fine dei conti scopre e mostra la sconcezza della sua malvagia tirannide e , quandi gli viene soffiato all’orecchio qualcosa contro qualcuno, il suo colore cambia rapidamente e si infiamma.” (Hekk it-tirann, fil-bidu tar-renju, jipprova jidher gust u ħassieb f’azzjonietu, u jibda b’wiċċ uman, imma f’dembu, cioè l-aħħar mill-aħħar, juri l-ħmieġ u l-kruha tiegħu fil-ħdura tirannika u meta jsefsfulu xi ħaga f’widnejh kontra oħrajn, kuluru jinbidel malajr u jsir fjamma nar.) Kemm rajna minn dan u għadna (anki llum) speċjalment fost dawk li jużaw id-demokrazija għall-ingann tal-poplu u bil-għan li jaħtfu l-poter u jużawh mhux demokratikament iżda bil-kontra. Avviżi għalqlin għal dawk li jmissu ma’ politiċi varji.
Sozzura
L-awtur Oldoni juża fit-traduzzjoni tiegħu din il-kelma apposta biex jindika li l-familjarità mal-poter twassal għal vizzji umani. Dawk li jġib il-bniedem imissu mal-ħniżrijiet li l-korruzzjoni u l-varjetajiet ta’ imġiba xejn moralment korretta jġibu magħhom. Kelma qawwija mimlija b’ħafna dożi ta’ sustanza akkużattiva — imma fl-istess ħin twissija għal dawk li jridu jservu u mhux jiġu servuti. Dawk li għandhom kulmin iridu jħarsu lejn futur tajjeb għal pajjiżhom. Dawk li jridu — fl-għaqal u fl-esperjenza umana — iwettqu dmirhom bl-aħjar mod possibbli. Proprju f’dan inħarsu ’l quddiem sabiex fis-sena li ġejja naħdmu biex dan il-proċess jissoda fid-demokrazija tagħna.
F’dan, għalhekk, mill-qalb, nawgura s-Sena t-Tajba lilek, Sur Editur, u lill-ħaddiema kollha tagħna flimkien mal-qarrejja ta’ din il-paġna.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 30 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

