Angelo Micallef
Sindku
Ħal Balzan
Hekk kif inħejju ruħna għal sena ġdida, fejn bla dubju ta’ xejn ilkoll ikollna tamiet u miri ġodda, ikun tajjeb li nħarsu lejn is-sena 2025 u naraw x’tagħlimiet offriet u b’liema mod sawret l-istorja tagħna lkoll.
Sena importanti
għall-Partit Nazzjonalista
Is-sena 2025 kienet waħda importanti għall-Partit Nazzjonalista. Proprju aktar kmieni dan ix-xahar immarkajna l-ewwel mitt jum ta’ Alex Borg bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Mitt jum li fihom spikkat enerġija ġdida fil-Partit Nazzjonalista u sens kbir ta’ entużjażmu.
Spikkat mewġa ta’ nies li qegħdin jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista; uħud minnhom għall-ewwel darba, saħansitra wara snin ta’ appoġġ lejn il-Partit Laburista.
Spikka Partit Nazzjonalista proattiv u pożittiv u qiegħed imidd għonqu għax-xogħol. Naturalment hija ħidma li tkompli tibni fuq il-ħidma tal-Eks Kapijiet Simon Busuttil, Adrian Delia u Bernard Grech.
Mhux ta’ b’xejn li kull min hu oġġettiv qiegħed ibassar li s-sena 2026 se tkompli tkun waħda pożittiva għall-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg f’ħidma li tkompli tissarraf f’ġid għal pajjiżna u għal poplu Malti u Għawdxi.
Sena ta’ aktar skandli
Min naħa l-oħra s-sena 2025 kompliet tikxef dejjem aktar atti oxxeni u skandaklużi mill-Gvern Laburista. Mit-tberbiq tal-flus sabiex Ta’ Qali ġie midfun fi żrar u ramel, għal stejjer ta’ direct orders f’kull qasam immaġinabbli, għal Ministru li spiċċajna niddiskutu kemm il-proprjetà għandu u saħansitra l-ħela ta’ miljuni kbar ta’ ewro mit-taxxi tagħna lkoll b’rabta mal-ftehim dwar l-isptarijiet.
Sena li fiha l-Partit Laburista pprova jgħatti xturu billi fuq il-midja tiegħu u l-midja pupazz tal-PBS, jinfexx f’dgħadigħa ta’ negattività fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista u fil-konfront ta’ kull min b’xi mod jagħmel mistoqsijiet.
Mumenti ta’ diqa
Naturalment l-2025 kellha wkoll il-mumenti ta’ diqa. Ma nistax hawn ma niftakarx fil-mewt ta’ ġentlom kbir tal-politika Maltija, Francis Zammit Dimech u ta’ bastjun tal-Partit Nazzjonalista.
Kienet sena li l-mewt ħalliet il-marka tagħha anke fuq livell internazzjonali bil-mewt ta’ Papa Franġisku. Papa li ma ddejjaq xejn jitkellem bl-aktar mod ċar favur dak li jemmen fih li ddedika lilu nnifsu għal ħidma li tagħmel il-Knisja waħda aktar miftuħa, inklussiva u riflessiva tal-isfidi moderni.
Sena li offriet mumenti ta’ diqa anke fuq livell personali meta f’Marzu għaddha għal ħajja ta’ dejjem iz-ziju tiegħi Frank Dimech. It-telfa tiegħu kienet waħda li ħassejna hekk kif l-umoriżmu u s-sarkażmu tiegħu kienu karatteristiċi li għamluh tant membru maħbub tal-familja tagħna.
Mit-tajjeb għall-aħjar għall-midja tal-PN
Is-sena 2025 kienet sena ta’ riżultati pożittivi għal midja tal-Partit Nazzjonalista. Net FM u Net Television komplew isaħħu l-udjenzi tagħhom u jirreġistraw titjib wara l-ieħor.
Sena ta’ riżultati pożittivi li laħqet il-milja tagħha meta fl-aħħar stħarriġ tal-Awtorita’ tax-Xandir Net Television saħansitra ssupera lit-TVM u lil One TV. M’għandi ebda dubju li ser nkomplu naraw aktar passi ta’ ġgant ’il quddiem minn Net FM u Net Television fis-sena 2026.
Sena mdemmija
Is-sena 2025 kien waħda mdemmija b’numru ta’ kunflitti madwar id-dinja fosthom il-gwerra f’Gaża li ħalliet tant għexieren ta’ vittmi innoċenti u vittmi oħra li għadhom s’issa għaddejin minn tbatija kbira u l-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna li ħalliet poplu mifni bi gwerra sempliċiment għaliex dak il-poplu għażel li jeżerċita d-dritt sovran tiegħu li joqrob lejn l-Ewropa minflok jibqa’ sattelita tar-Russja.
Wieħed jista’ biss jawgura li s-sena 2026 tkun waħda fejn il-paċi tirrenja u fejn nieqfu naraw xeni ta’ tbatija u kefrija umana.
Sena Trumpjana
Kull min jafni, jaf li tradizzjonalment dejjem kont ferm pożittiv dwar ir-rwol tal-Istati Uniti fid-dinja. Kull min jafni jaf ukoll li tradizzjonalment dejjem kont ferm aktar simpatizzanti lejn ir-Repubblikani milli lejn id-Demokratiċi.
Is-sena 2025 madankollu kienet waħda li tista’ tiġi deskritta biss bħala sewda ħafna għall-Istati Uniti u għar-Repubblikani. Sena fejn il-pajjiż li tant kien jiftaħar bid-demokrazija ma ddejjaq xejn jgħajjar bħala dgħajfa l-alleati Ewropej tiegħu filwaqt li jħabbat it-tazzi mar-Russja u mexxi awtoritarji oħra; sena li fiha l-Istati Uniti nfexxet f’politika ta’ theddid u manipulazzjoni bit-tariffi; sena li fiha fl-Istati Uniti rajna attakki kontra kull min jazzarda jsemma leħnu kontra l-President bħalma ġara lil Stephen Colbert u bħalma għal ftit ma ġarax lil Jimmy Kimmel.
Sena li qegħda tagħlaq fuq l-istess nota li fetħet; bil-President tal-Istati Uniti effettivament jipprova jkisser b’libell ta’ biljuni ta’ dollari lil wieħed mill-akbar bastjuni globali tad-demokrazija u ċioè x-xandir tal-istat tar-Renju Unit, l-BBC.
Awguri
Nawgura lill-qarreja kollha ta’ Il-Mument bidu tas-sena mill-aqwa. Bħal dejjem ejja niċċelebraw b’mod responsabbli ħalli nieħdu gost mingħajr ma’ nweġġgħu u mingħajr ma’ nweġġgħu lil ħaddieħor.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 28 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

