Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, akkuża lir-Russja li qed tagħmel kulma tista’ bil-ħsieb li telimina kull possibbiltà għall-paċi wara kważi erba’ snin ta’ gwerra… Zelensky qal li r-Russja qed taħdem fuq pjan ta’ sabutaġġ indirizzat għall-isforzi diplomatiċi attwali u meta l-Kremlin jinsab determinat biex ikompli, akkost ta’ kollox, bl-attakki mill-ajru fuq iz-zoni ċivili tal-Ukrajna.
Zelensky, fl-aħħar kummenti, deher viżibbilment irrabjat wara li Moska rappurtat li newtralizzat numru ta’ drones li, allegatament, kienu mirati għar-residenza tal-President Russu Vladimir Putin…Attakk li qed jingħad li seħħ matul il-lejl tat-Tnejn u li Zelensky qed jirreferi għalih bħala s-soltu gideb faħxi min-naħa tar-Russi’.
Il-Mexxej Ukren sostna li r-Russja qed tkompli tfittex l-iskużi biex ma timpenjax ruħha għal xi ftehim biex jieqaf il-ġlied. Hu jemmen ukoll li r-Russja qed tippjana mewġa ġdida ta’ attakki – bil-missili u d-drones – fuq il-bini tal-Gvern fi Kiev, kif ukoll fuq il-kumplessi residenzjali madwar il-kapitali tal-Ukrajna.
Il-Gvern Ukren, fl-aħħar sigħat, akkuża lir-Russja dwar strateġija oħra biex ittellef mis-sinifikat tal-isforzi diplomatiċi mirati għat-tmiem tal-gwerra …Strateġija li qed tiżviluppa wara l-aħħar taħditiet wiċċ-imb-wiċċ fi Florida bejn Volodymyr Zelensky u l-President Amerikan, Donald Trump.
L-indikazzjonijiet, intant, huma li l-Kremlin se jkompli joħroġ b’teoriji u rapporti mhux affidabbli biex jiġġustifika t-tkomplija tal-attakki bla heda fuq l-ibliet tal-Ukreni.
U l-aktar indikazzjoni ċara hi li r-Russja ma tridx tieħu l-passi lejn it-tmiem tal-konflitt jekk ma taċċertax ruħha mill-kontroll totali tad-Donbas – ir-reġjun fil-Lvant tal-Ukrajna, fil-parti kbira okkupati mill-militar ta’ Putin.
Fil-fatt, il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, qed ikompli jinsisti li l-Ukrajna, fl-aħħar sigħat, kellha l-intenzjoni ‘ċara’ li tolqot direttament bid-drones lir-residenza ta’ Putin fir-reġjun ta’ Novgorod, lejn in-nofsinar ta’ San Pietruburgu. Lavrov qal ukoll li b’riżultat ta’ dan, Moska qed taġġorna u tevalwa l-mod kif għandha taddotta ruħha għat-taħditiet u negozjati fil-futur.
//= $special ?>

