Lokali

Il-messaġġ tal-President Roberta Metsola għas-sena l-ġdida: Ewropa “Aktar Ġusta, Sempliċi, u Aktar Effiċjenti”

Fl-indirizz tagħha lill-poplu Ewropew qabel il-bidu tal-2026, il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola saħqet li l-Unjoni Ewropea trid timxi ‘l quddiem bit-“tama aktar milli b’nostalġija falza,” billi tiffoka fuq Unjoni riformata li tagħti riżultati tanġibbli għall-familji u n-negozji.

Ċentrali għall-viżjoni tal-President Metsola hija Ewropa li tneħħi l-burokrazija biex tippermetti kompetizzjoni u tkabbir akbar. Hija enfasizzat il-ħtieġa li jiġi pprovdut spazju għan-negozji biex jirnexxu filwaqt li jiġi żgurat li l-pedamenti tal-ħajja ta’ kuljum – akkomodazzjoni affordabbli u impjiegi ta’ kwalità – jibqgħu aċċessibbli għal kulħadd.

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista tkellmet dwar l-importanza tal-ġustizzja interġenerazzjonali.

Qalet li jeħtieġ jkun żgurat li ż-żgħażagħ jkollhom l-għodod biex imexxu ‘l quddiem l-Unjoni Ewropea.

Kompliet li l-anzjani għandhom jiġu onorati, bħala dawk li bnew il-pedamenti attwali tal-UE.

Hija semmiet ukoll l-Ugwaljanza ta’ Opportunitajiet: Li jiġu irduppjatu l-isforzi biex ikun żgurat kundizzjonijiet ekwi għal kull ċittadin.

Il-President Metsola faħħret ukoll l-ispirtu tas-solidarjetà Ewropea, filwaqt li kkwotat l-kuraġġ tal-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili u l-ħaddiema tal-emerġenza, li jaqsmu l-fruntieri biex jappoġġjaw in-nazzjonijiet ġirien fi żminijiet ta’ kriżi, bħala l-personifikazzjoni vera tal-valuri Ewropej.

Filwaqt li rrikonoxxiet l-ħtieġa għas-serħan tal-moħħ, il-President iffukat fuq Ewropa li hija “akbar, riformata, u aktar effiċjenti,” li tibni sħubijiet sodi ma’ alleati globali u tiftaħ il-bibien għal dawk lesti li jingħaqdu mal-Unjoni Ewropea.