F’messaġġ għall-bidu tas-Sena l-Ġdida, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-futur li għandu quddiemu pajjiżna huwa futur li rridu nibnu flimkien u għandu jkun mibni fuq tliet pilastri – ir-rispett, il-kuraġġ, imma fuq kollox it-tama.
Hu qal li Malta tinsab f’salib it-toroq, u qed ngħixu fi żmien ta’ opportunità, imma wkoll żmien ta’ sfidi kbar. U huma ħafna dawk li qed iħossu din ir-realtà – jekk hux l-għoli tal-ħajja, l-isfida għall-akkomodazzjoni affordabbli, is-sitwazzjoni ta’ pagi li mhux qed ikunu biżżejjed biex ilaħħqu mar-realtajiet tal-ħajja.
Alex Borg kompla li pajjiżna għandu poplu ħawtiel, istituzzjonijiet li rridu nkomplu nsaħħu, imprendituri li qed jibnu industriji ġodda, edukaturi li qed jiffurmaw il-ġenerazzjonijiet ta’ għada, u ħaddiema fis-settur tas-saħħa li huma l-eroj ta’ kuljum, kif ukoll komunitajiet b’għeruq sodi ta’ solidarjetà, valuri u twemmin li Malta tista’ tagħmel aħjar.
“Irridu politika li taħtaf il-mument. Din hija l-politika li nixtieq naħdem għaliha – politika li titkellem inqas u tisma’ aktar. Fis-sena li ġejja se nkun qed niffoka aktar fuq dak li verament jagħmel id-differenza,” kompla l-Kap tal-PN, waqt li spjega kif matul is-sena li ġejja l-PN se jkun qed iressaq aktar proposti biex id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw ħafna nies verament jibdew jingħataw l-importanza li jistħoqqilhom, waqt li se jimbotta għal aktar riformi li jwasslu għal pagi aħjar bi produttività akbar u li tirrifletti d-dinjità tal-ħaddiem.
Alex Borg sostna li rridu nġibu l-bidla imma rridu nbiddlu wkoll il-mod kif nagħmlu l-politika billi nitkellmu maż-żgħażagħ li għalihom il-politika llum ma għadhiex tappella daqshekk, napprezzaw aktar lill-anzjani tagħna li bnew lil dan il-pajjiż u naraw li kulħadd ikun meqjus indaqs u kemm jista’ jkun neliminaw id-differenza fil-klassijiet soċjali.
“Iva, nemmen fil-progress. Progress li l-għeruq tiegħu huma mħaddna fil-valuri. Nemmen fit-tradizzjoni. Nemmen f’Malta li hi kburija bil-passat tagħha u f’Malta li ma tibżax mill-futur. Ser inkompli naħdem b’mod kostruttiv, fejn nikkritika meta nara l-bżonn, waqt li dejjem nibqa’ nipproponi. Ser inkompli nżomm sod u fuq kollox ser inkompli noffri l-għajnuna tiegħi kull meta nara l-bżonn,” kompla Alex Borg waqt li wiegħed li se jkun hemm għal dawk li tilfu l-fiduċja fil-politika – li allura tilfu t-tama għal Malta u Għawdex tagħna.
“Jien magħkom. Dan hu l-mument tagħna. Jalla s-sena l-ġdida ġġibna eqreb lejn Malta li hi aktar ġusta, b’saħħitha imma wkoll ħanina.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg wassal l-awguri tiegħu lill-poplu Malti u Għawdxi għal sena ġdida mill-aqwa.
//= $special ?>

