Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni
Dawn iż-żminijiet iġibu magħhom emozzjonijiet differenti, aktarx skont sitwazzjonijiet differenti – kull ċirkustanza tagħmel lill-bniedem isħeħ jew idgħjef. Huma żminijiet li donnhom jimponu l-“OK” fuqna lkoll anke jekk kull jum ma huwa xejn ħlief jum ieħor jitnaqqar mill-almanakk tal-ħajja. U le, mhux dejjem u kulħadd jista’ jkun “OK”.
Teżisti l-emmna li tmiem sena u bidu ta’ oħra ġdida ma jimmarka ebda tmiem u ebda bidu, għaliex huwa biss tkomplija tal-ġrajja tagħna, madankollu nemmen ftit f’dak li jgħid Brad Paisley: “Tomorrow is the first blank page of a 365-page book. Write a good one.”
Mhux la kemm ngħidu, hux hekk, li minn għada se ninbidlu, li minn għada se nkunu differenti, li minn għada se ngawdu aktar, li minn għada se ninkwetaw anqas, li minn għada se nnaqqsu mill-ikel, li minn għada se naqtgħu xi vizzju… imma almenu l-bidu ta’ sena tista’ tagħtina sens ta’ riġenerazzjoni, sens ta’ tama li timmarka bidu ġdid li jaf ikollu impatt psikoloġiku fuqna – dejjem jekk ikollna biżżejjed qawwa interna. Jidhirli li l-bidu ta’ sena ġdida, jaf jagħtina sens ta’ orjentazzjoni ġdida b’ottimiżmu sabiex nagħrfu aktar dak li bl-Ingliż jgħidulu ‘the elephant in the room’, u nindirizzaw in-nuqqasijiet – b’perspettiva ġdida għax hemm l-idea ta’ bidu ġdid.
L-isfidi li jħabbtuna
Minkejja kollox, nafu wisq b’sitwazzjonijiet li fihom sena tiftaħ is-siparju tagħha bl-istess skossi li bihom tintemm ta’ qabilha, u sena ġdida ma tkun xejn għajr kontinwazzjoni patetitika ta’ jiem, ġimgħat u xhur ta’ tbatija, dwejjaq u diffikultajiet. L-isfidi tagħna, il-problemi tagħna u dak kollu li jkissrilna l-moral, li jħarbtilna l-pjanijiet, li jaqtgħalna qalbna – insibuh hemm donnu dell jgħakkisna u jagħsarna u jgħawwar fil-weġgħat… sakemm nintebħu li ma hemm ebda bidu ieħor. Iebsa, iva hija iebsa, il-ħajja għal min ibati kuljum, fis-skiet jew le: minħabba l-mard, minħabba s-solitudni, minħabba s-separazzjonijiet, minħabba d-dħul finanzjarju, minħabba wliedu, minħabba n-neputijiet, minħabba mitt elf kawża oħra, imma rridu nemmnu li għada jista’ jisbaħ aħjar. Irridu nagħrfu li l-ħajja taf tiffjorixxi. Il-kantant (favorit tiegħi)
James Blunt, jikteb hekk: “…but in the end, all the flowers turn to face the sun…” għaliex iva, xi darba, finalment kollox se jsib postu bħalma l-fjuri dejjem iduru u jippożizzjonaw lejn ix-xemx. Mela, ejja nuża din il-metafora sabiħa biex napplikaha għal dan l-argument li qiegħed inġib – minkejja kollox, kollox se jaqa’ f’postu u xi darba (jalla fil-qrib) se nduru nħarsu lejn ix-xemx.
Messaġġ ta’ tama
Il-messaġġ tiegħi llum mhux ta’ qtigħ il-qalb, altru minn hekk, imma ta’ tama. Jien ukoll qiegħed nittama għal sena aħjar, għal żmien aħjar – għax jien bħalek jew bħal dawk li jista’ jkollhom is-sħab fuq rashom – biex inħares ’il quddiem u nittama. Kemm hija kelma sabiħa din il-kelma, “it-tama”.
Fil-klassi tal-letteratura, kull darba li nkun qiegħed, flimkien mal-klassi, nanalizza xi poeżija jew xi novella li titkellem dwar it-tama, donni nenfasizza żżejjed dan il-messaġġ (“l-aħħar li tmut hija t-tama” niftakar lill-mibki Oliver Friggieri jafferma l-Università) għaliex verament, jekk lill-bniedem teħodlu t-tama, teħodlu kollox. Indur issa ftit għall-argument politiku (mhux għax kollox irid ikun politiku imma huwa d-dmir tiegħi li nwassal dejjem messaġġ politiku b’mod jew ieħor). Ilkoll nistgħu ngħidu li matul dawn l-aħħar tliet xhur ħassejna sens ta’ tama riġenerata, u lkoll bdejna nemmnu li minkejja kollox (u din hija enfasizzata) nistgħu nħarsu ’l quddiem – finalment.
Qajla stennejna din il-bidla, hux vera? Imma seħħet. Dan ma jfissirx li se negħlbu l-isfidi, il-problemi u se nibdew nirbħu, imma ksibna l-aktar ħaġa importanti: il-qawwa li nemmnu u l-qawwa li nittamaw. Jidhrili li sa ftit xhur ilu din kien improbabbiltà iebsa, realtà skura – u hekk dawwarna kollox.
Mela, lilkom li forsi għaddejjin minn żmien diffiċli bħalma spjegajt aktar ’il fuq, emmnu li hemm dejjem il-qawwa tat-tama. Imma t-tama rridu niżirgħuha fl-art fertili u mhux fix-xagħri – dan ikun l-iżball ta’ ħafna żgħażagħ jaħasra li jafdaw ħajjithom f’idejn min ma jista’ jagħtihom xejn aħjar mill-frugħat tal-mument! – u l-art fertili tidher f’forom differenti: fuq kollox imma fil-forom spiritwali u ekkleżjastiċi. Għal din is-sena li ġejja, għalkemm għandi lista ta’ prijoritajiet li rrid nindirizza – ħafna minnhom fuq livell personali u fuq livell ta’ karriera professjonali – irrid noffri lili nnifsi bħala politikant dejjem aktar u aktar biex flimkien inkomplu din il-mixja.
Jekk għandek bżonn l-għajnuna, fittixni
Dan kien minn dejjem is-sodisfazzjon tiegħi, li nkun hemm biex lill-kostitwenti tiegħi nagħtihom is-sapport, biex nismagħhom, biex nibki u nifraħ magħhom, biex ngħinhom, biex niggwidahom, biex fuq kollox, noffrilhom it-tama. Għalhekk, inħeġġek sabiex titkellem u tfittex l-għajnuna jekk għandek bżonnha, imqar jekk taħseb li għandek bżonnha. Jien hawn.
Ix-xewqat tiegħi għalik, ma jlellxux biss bid-dwal tal-Milied – li jintfew daqt – imma bid-dawl tat-tama. Ejja nifirħu b’dak li huwa tajjeb, b’dak li huwa sabiħ, b’dak li huwa ta’ kuraġġ…
Nawguralek minn qalbi, f’ismi u f’isem Annalise, sena mimlija tama għal sena aħjar.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazjon tal-Erbgħa 31 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

